Tuesday, November 17, 2026
Home Internazzjonali L-Estonja se tagħlaq il-fruntiera tagħha mar-Russja

L-Estonja se tagħlaq il-fruntiera tagħha mar-Russja

0
28

L-Estonja se tagħlaq iż-żoni kollha tal-qsim tal-fruntiera mar-Russja mill-1 ta’ Diċembru, wara attentat ta’ sabutaġġ fil-pajjiż Baltiku – membru tal-Unjoni Ewropea – kontra kumpanija li timmanifattura d-drones. L-awtoritajiet tal-Estonja qalu li l-attakk sar fuq ordni tas-servizz tal-intelliġenza militari Russu, il-GRU.

Nhar is-Sibt filgħodu, tmien persuni ġew arrestati waqt attentat ta’ attakk fuq Threod Systems, kumpanija tad-difiża li tipproduċi drones għat-tiftix u l-attakk fuq distanzi twal. F’dan l-inċident ma ġew irrappurtati l-ebda korrimenti jew ħsarat, wara li t-tim tas-sigurtà tal-kumpanija intervjena minnufih.

Is-servizz tas-sigurtà interna tal-Estonja, magħruf bħala Kapo, stqarr il-Ħadd li l-attakk kellu l-għan li tiġi kkawżata splużjoni biex il-bini jingħata n-nar. Skont ix-xandar pubbliku Estonjan ERR, l-awtoritajiet talbu ordni tal-qorti biex ħamsa mill-persuni arrestati jinżammu taħt kustodja.

Il-prim ministru Estonjan, Kristen Michal, qal li l-għeluq tal-fruntiera kien meħtieġ biex jitnaqqas ir-riskju ta’ aktar attakki u fl-istess ħin jibgħat messaġġ ċar li l-attakki fuq l-industrija tad-difiża u l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Estonja ma kinux aċċettabbli.

Huwa rabat dan l-attakki mal-appoġġ kontinwu tal-Estonja għall-Ukrajna. “L-għan tar-Russja huwa li ġġagħalna nibżgħu, iġġagħalna noqogħdu lura u ddgħajjef l-appoġġ tagħna għall-Ukrajna,” qal Michal.

Huwa stqarr ukoll li r-rispons tal-Estonja huwa li tkompli ssaħħaħ s-sigurtà tagħha, taħdem aktar mill-qrib man-negozji u l-alleati tagħna, iżżid il-pressjoni fuq ir-Russja u tkompli tappoġġja lill-Ukrajna.

L-Estonja għandha tliet punti ta’ qsim tal-fruntiera mar-Russja – Narva fit-tramuntana, u Koidula u Luhamaa fin-nofsinhar. L-awtoritajiet ma speċifikawx kemm se jdum dan l-għeluq.

Dan l-attakk huwa t-tieni attentat fuq kumpanija tad-difiża Estonjana li l-awtoritajiet attribwew lir-Russja, wara l-attakk intenzjonat fuq Milrem Robotics f’Awwissu li għadda.

L-Estonja kienet sejħet lix-Ccharge d’Affairs Russu b’rabta mal-attakk, iżda l-Kremlin ċaħad kwalunkwe rabta mar-Russja, u sostna li din kienet akkuża “bla bażi” u “m’għandha assolutament l-ebda rabta mar-realtà”.

Diversi servizzi tal-intelligence Ewropej wissew ripetutament dwar attakki possibbli fuq kumpaniji tad-difiża, kif ukoll dwar l-isforzi dejjem akbar tar-Russja biex tirrekluta ċittadini minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tan-NATO, permezz ta’ pjattaformi tal-messaġġi onlajn, sabiex iwettqu atti ta’ sabotaġġ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here