Anki jekk l-elezzjoni tissejjaħ qabel dan li qed nikteb jiġi publikat, l-ispekulazzjoni li saret dan l-aħħar dwar elezzjoni bikrija tibqa’ waħda vojta, biex ma ngħidx bla sens. L-aktar dik li ġiet imtellgħa mill-medja hekk imsejħa indipendenti. Wieħed jifhem li l-ġurnaliżmu ta’ kuljum għandu l-ixprun li kuljum irid isib xi ġrajja x’jirrakkonta. Il-problema għall-ġurnaliżmu serju hi li l-ġrajja trid tkun ta’ vera, mhux mistħajla. Issa, jiġu żminijiet meta l-ħajja tibqa’ għaddejja b’ritmu regolari u monotonu fejn ma jiġri xejn “ġdid”.
Matulhom jinħmew stejjer dwar x’jista’ jiġri għada jekk illum… Xorta jibqa’ ma jiġri xejn la għada u lanqas pitgħada, imma l-istorja ma tkun ivvintat xejn. Biss, bl-ispekulazzjoni li tippublika, tqajjem il-kurżità tan-nies u żżomm l-interess tagħhom. Jekk jibqa’ ma jiġri xejn minn dak li jissemma li se jsir, xorta ma tistax tlaqqam l-istorja publikata bħala ħrafa ivvintata. Hi storja dwar dak li kellu jiġri u ma ġarax…. għalissa!
***
ĦDURA NATURALI
F’waqtu kien l-appell li sar dan l-aħħar biex il-ħdura “naturali” tagħna fl-għelieqi u imkejjen għall-beraħ titħalla tgħix mhux naqilgħuha biex “innaddfu”. Apparti milli dan jammonta għall-qerda ta’ dak li jgħixu minnu n-naħal u insetti oħra meħtieġa biex in-natura tissokta, il-fjuri u l-ħxejjex “slavaġ” kif ġieli nsejħulhom, għandhom is-sbuħija tagħhom. Tagħti ħajja lil dak li baqa’ mill-kampanja.
Veru se jkun hawn min jgħid li l-peprin mhuwiex fjura indiġena Maltija imma ħafna minna li għadhom età avvanzata, jiftakru l-għelieqi miżgħud bil-peprin fil-ġranet ta’ April. Illum ma nafx fejn jinsabu għelieqi hekk, jew miksija bi fjuri isfar karg u sbieħ, allavolja “slavaġ” li qatt ma tgħallimt isimhom…
***
WARA ORBAN
Il-problema ta’ Orban kienet li dam wisq fil-gvern. Numru sostanzjali mill-ideat oriġinali tiegħu għall-ħarsien tal-ġens Ungeriż kienu korretti. Mas-snin, ibbiesu, ma ġġeddux skont iċ-ċirkostanzi li nbidlu: dan seta’ sar mingħajr ma jintilef l-essenzjal tagħhom. Imma meta tkun ilek fil-poter – bil-ħbiberiji u l-alleanzi soċjali li jkunu żviluppaw – it-tiġdid jieqaf, il-pożizzjonijiet jiħraxu u fil-kilba biex il-poter ma jintilifx, tintilef il-ħila biex tgħaqqad lill-poplu. Minflok tifirdu u tbegħdu milli jibqa’ jagħraf l-ideali antiki, li effettivament ma jkunux qegħdin jiġu onorati aktar.
L-abbużi tal-poter u l-korruzzjoni jkunu saru forzi kbar fil-pajjiż, saħansitra aqwa mill-istess gvern u partit fis-setgħa li ppermettihom. Mhux ta’ b’xejn li s-suċċessur ta’ Orban jidher li ftit jew wisq għandu l-istess perspettiva bħall-Orban tal-bidu. Donnu li dar kontra Orban tal-lum għax dan m’għarafx iġedded u jħares il-valuri politiċi li emmnu t-tnejn fihom.

