“Illum qed inniedu Politika Nazzjonali ġdida dwar il-Homework li permezz tagħha t-tfal se jingħataw aktar opportunitajiet biex jibbenefikaw mill-istudju u jiżviluppaw ħiliet ta’ awtonomija u responsabbiltà.” Dan enfasizzah il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima dalgħodu meta nieda din il-Politika Nazzjonali ġdida.
Permezz ta’ din il-politika, ix-xogħol tad-dar se jkun strutturat b’mod li jappoġġja diversi stili ta’ tagħlim u ma jikkawżax stress żejjed lit-tfal. Se jkun hemm erba’ tipi ta’ homework: il-Prattika, biex tikkonferma dak li l-istudenti tgħallmu fil-klassi; l-Esplorazzjoni, biex l-istudenti jesploraw suġġetti ta’ interess lil hinn mill-kurrikulu; l-Applikazzjoni, biex l-istudenti jużaw dak li tgħallmu fil-ħajja reali; u l-Integrazzjoni, li jgħaqqad diversi suġġetti flimkien.
Il-homework se jiġi adattat skont l-età tat-tfal. Kindergarten mhux se jkollhom homework tal-kitba imma attivitajiet li jkunu bbażati fuq logħob u esperjenzi informali. Fl-ewwel snin, il-homework jiġi introdott gradwalment biex jibni kunfidenza u ħiliet bażiċi. Fil-Junior Years se jingħata xogħol ta’ investigazzjoni u kreattività, u fil-klassijiet Medji u Sekondarji, l-għalliema se jikkordinaw bejniethom biex l-istudenti ma jkollomx eċċess ta’ kompiti jew mingħajr bżonn.
Din il-politika, riżultat ta’ djalogu estensiv mal-edukaturi, l-istudenti, il-ġenituri u partijiet interessati, tħeġġeġ l-indipendenza tat-tfal, flimkien ma’ appoġġ mill-iskola u mill-ġenituri, biex kull student ikollu aċċess ugwali għall-opportunitajiet tat-tagħlim. Dan se jiġi rrivedut kull erba’ snin biex ikun żgurat li l-homework jibqa’ utli, interessanti u aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa pass ieħor li permezz tiegħu s-settur edukattiv qed ikompli jiġi trasformat. “L-edukazzjoni f’Malta qed tkompli tiżviluppa b’mod dinamiku biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-istudenti tagħna u għall-aspirazzjonijiet tas-soċjetà tagħna. Qed nimxu ’l quddiem bir-riformi stabbiliti fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 u fil-Viżjoni Malta 2050, u għalhekk huwa essenzjali li kull aspett tal-esperjenza tat-tagħlim jirrifletti l-impenn tagħna għall-kwalità, l-inklużjoni u l-benesseri,” spjega l-Ministru Grima. Il-Politika Nazzjonali dwar il-Homework tirrappreżenta pass importanti f’din id-direzzjoni.
Ir-riċerka u l-esperjenza wrew li l-valur tal-homework ma jinsabx fil-kwantità tax-xogħol mogħti, imma fil-kwalità u fl-iskop tiegħu. Din il-politika, għalhekk, għandha l-għan li tittrasforma l-homework minn kompitu ta’ rutina f’estensjoni sinifikanti tat-tagħlim fil-klassi – waħda li tappoġġja l-kurżità, issaħħaħ il-fehim u tħeġġeġ lill-istudenti jieħdu aktar responsabbiltà fil-vjaġġ tagħhom ta’ tagħlim.
Il-Ministru Grima qal li l-istudenti għandhom jiġu appoġġjati biex jiżviluppaw l-indipendenza u l-awtoregolazzjoni filwaqt li l-edukaturi għandhom jiġu fdati u mogħtija s-setgħa biex jiddisinjaw esperjenzi ta’ tagħlim b’għan ċar. Importanti wkoll il-familji tal-istudenti li għandhom jiġu involuti bħala sħab importanti, f’ambjent ta’ tagħlim bilanċjat u ta’ appoġġ.
Billi jkunu allinjati l-aspettattivi mal-bżonnijiet ta’ żvilupp tal-istudenti u bil-forom varji ta’ homework, qed jiġi żgurat li t-tagħlim lil hinn mill-klassi jibqa’ wkoll eċitanti u rilevanti.
“Il-ħin għall-mistrieħ, għall-ħajja mal-familja, għall-kreattività, għall-isport u għall-involviment fil-komunità huwa essenzjali għall-iżvilupp b’saħħtu u għall-benesseri. Għalhekk, kultura bilanċjata tal-homework trid tappoġġja t-tagħlim filwaqt li tħares dawn id-dimensjonijiet importanti tat-tfulija u l-adoloxxenza,” qal il-Ministru Clifton Grima.
Il-Politika Nazzjonali dwar il-Homework tista’ tinstab hawn: https://bit.ly/4tYbZQ7

