Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva, Jessika Roswall, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna jiffaċċja sfidi bħan-nuqqas ta’ ilma, spazju limitat u insularità – sfidi li jħallu impatt fuq il-mod ta’ kif ngħixu, u nsostnu s-servizzi tagħna.
B’referenza għall-Viżjoni Malta 2050, il-Prim Ministru saħaq li din ir-realtà li għandu pajjiżna wasslet sabiex jinbena pjan fit-tul – pjan li jħares lejn is-sostenibbiltà fil-prattiċità tagħha, u fejn il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà tal-ilma, l-ekonomija ċirkolari, u l-użu effiċjenti tar-riżorsi huwa meqjus essenzjali sabiex tkompli tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja, ir-reżiljenza u l-kompetittività ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru semma kif minkejja l-iskarsezza tal-ilma, pajjiżna investa f’sistema tal-ilma b’saħħitha, flimkien mal-programm New Water li qed jappoġġja lill-bdiewa.
Dr Abela tenna li pajjiżna qed ikompli jsaħħaħ l-ekonomija ċirkolari fosthom permezz tas-separazzjoni tal-iskart, l-iskema ta’ rifużjoni ta’ depożitu għall-kontenituri tax-xorb, investiment f’faċilitajiet bħal EcoHive u aktar għarfien pubbliku.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Konsulent tal-Prim Ministru fuq l-Affarijiet Ewropej, Leandro Borg.

