Fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar li dawk il-ġenituri li jkunu għamlu surrogacy barra minn Malta se jingħataw id-dritt ta’ 18-il ġimgħa leave meta jiġu pajjiżna.
Għad-Domanda Parlamentari tad-Deputat Laburista Rosianne Cutajar, Dr Ellul spjega kif dan se jfisser li grazzi għal dan il-pass dawn il-ġenituri se jkollhom l-istess leave li jieħdu dawk il-ġenituri li jwelldu t-tarbija tagħhom u anke dawk li jadottaw it-tarbija tagħhom.
Bħall-ġenituri l-oħrajn, dawk li jagħmlu surrogacy barra minn Malta se jkollhom l-ewwel 14-il ġimgħa leave b’paga sħiħa, u l-aħħar 4 ġimgħat bl-istess rata li jitħallsu l-aħħar 4 ġimgħat tal-leave tal-maternità.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul fakkar fil-proċess li proprju wassal għal dan l-iżvilupp.
Spjega kif f’Settembru tas-sena li għaddiet resqu fuq il-Gvern persuni li minħabba li kienu saru ġenituri permezz ta’ surrogacy barra minn Malta, ma setgħux jibbenefikaw mil-leave tal-maternità.
Huwa qal li kien għalhekk li l-Gvern beda b’diskussjoniijiet mal-imsieħba soċjali filwaqt li s-suġġett ġie diskuss ukoll fl-Employment Relations Board, fejn kien hemm kunsens ġenerali illi dawn il-ġenituri ma jibqgħux jiġu mċaħħda minn dan id-dritt bażiku.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul assigura li se jkun hemm checks and balances sabiex wieħed jibbenefika minn dan il-leave. Fost dawn, iċ-ċertifikat tat-twelid maħruġ mill-pajjiż li fih twieldet it-tarbija, anke sabiex imbagħad hi u l-ġenituri tagħha jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti f’Malta.
Dr Andy Ellul temm jirrikonoxxi li din mhux bidla li se jgawdu minnha mijiet jew eluf ta’ koppji, imma biss numru żgħir ta’ nies.
Qal li għalhekk dan il-pass huwa xhieda ċara li dan il-Gvern ma jħalli lil ħadd barra, ma jinsa lil ħadd u jrid jara li kulħadd – anke jekk imqar persuna waħda – ikollu d-drittijiet tiegħu.

