Matul il-lejl li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta (TM) neħħiet 20 billboard illegali minn numru ta’ toroq ewlenin madwar Malta. L-operazzjoni kienet tinkludi mhux biss it-tneħħija ta’ billboards li ma kellhomx permess ta’ żvilupp iżda wkoll dawk li naqsu milli jonoraw l-obbligu tagħhom li jġeddu l-liċenzja annwali tagħhom ma’ TM.
L-Awtorità bdiet topera f’żewġ toroq ewlenin li huma Triq Aldo Moro, Triq Guiseppe Garibaldi u Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa.
Uffiċjali mid-Direttorat tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar ikkoordinaw l-operazzjoni bl-għajnuna ta’ uffiċjali mill-Enforcement Unit ta’ Transport Malta. L-operazzjoni saret tard filgħaxija sabiex tikkawża l-inqas tfixkil u inkonvenjent lis-sewwieqa. Aktar azzjoni se tittieħed fil-jiem li ġejjin.
L-operazzjoni saret biex ikunu aktar siguri t-toroq tagħna u tiggarantixxi kundizzjonijiet ġusti għall-operaturi tar-reklamar.
It-tneħħija ta’ dawn il-billboards qed issir a spejjez ta’ min wettaq l-illegalità.