Tobba fi klinika privata f’Ruma wettqu operazzjoni fil-moħħ ta’ pazjent hu u jdoqq is-saxophone tiegħu, f’operazzjoni kumplessa li damet mad-disa’ sigħat.
Il-pazjent, mużiċist barrani ta’ 35 sena li jgħix Ruma, seta’ jħalli l-isptar Internazzjonali ta’ Paideia l-Ħamis wara li tneħħielu tumur minn moħħu.
L-operazzjoni tmexxiet mill-Kirurgu Christian Brogna, li jispeċjalizza fl-operazzjonijiet fis-sistema tan-nervituri, b’mod speċjali l-moħħ u l-ispina tad-dahar, assistit b’tim ta’ professjonisti mediċi mill-aqwa minn madwar id-dinja.
“Operazzjonijiet fejn il-pazjenti jiġu operati mingħajr loppju tagħmilha possibbli li topera bi preċiżjoni qalb funzjonijiet varji tal-moħħ bħalma huwa l-logħob, it-taħdit, iċ-ċaqliq, l-memorja u l-għadd”, qal Brogna filwaqt li tkellem dwar l-operazzjonijiet mingħajr loppju filwaqt li żied jgħid li l-fatt li l-pazjent kien xellugi kienet sfida akbar biex joperaw.
“L-operazzjoni kienet tassew kumplessa u kienet teħtieġ preparazzjoni twila u teknoloġija avvanzata ħafna. Li pazjent jiġi operat mingħajr loppju turi kemm il-moħħ huwa organu affaxxinanti li l-bniedem għad irid jiskopri iktar dwaru”, qal Brogna filwaqt li spjega li din kienet waħda mill-ewwel ta’ dan it-tip li saret fi klinika privata fl-Italja.
L-istess Kirurgu kien ġibed l-attenzjoni tal-midja ftit tas-snin ilu wara li kien opera f’sitwazzjoni simili f’Londra fejn il-pazjent kien ġie operat waqt li jdoqq il-vjolin.