Friday, September 12, 2025

Jitnieda d-dokument ta’ qabel il-Budget għas-sena 2026… Id-defiċit għas-sena d-dieħla mistenni li jinżel taħt it-3%

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-defiċit għas-sena d-dieħla mistenni li jinżel taħt it-3%. Din iċ-ċifra se tkun intlaħqet sentejn qabel il-perjodu ta’ erba’ snin li kienet tatna l-Kummissjoni Ewropea biex id-defiċit lokali jkun skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea. Id-defiċit għal din is-sena mistenni li jkun niżel għal 3.2%, bil-mira hi li d-defiċit tal-pajjiż jonqos b’tal-inqas 0.5% kull sena. 

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt it-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget għas-sena 2026. Dwar id-defiċit, huwa qal li “rridu nibagħtu messaġġ ċar li dak li qed nagħmlu huwa sostenibbli u se jwassalna definittivament taħt it-3%.” Mira li dwarha l-Ministru Caruana qal li mhux biss huwa fiduċjuż imma “ċert” li se tkun qiegħda tintlaħaq.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Caruana tenna li s-suċċess u r-reżiljenza li nkisbu tul dawn l-aħħar snin, tista’ tidher għaliex pajjiżna, kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra, l-ekonomija tiegħu baqgħet mhux biss b’saħħitha imma kompliet tikber. 

Huwa semma kif minkejja l-inċertezza dinjija li tirriżulta fost oħrajn minn żewġ gwerer – fil-Lvant tal-Ewropea u fil-Lvant Nofsani – l-ekonomija tagħna se tibqa’ reżiljenti u nistennewha li tkompli tikber bl-istess pass.

“Dan il-pajjiż, is-sena d-dieħla, għal sena wara l-oħra, se jibqa’ jkollu l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Nistennew tkabbir ekonomiku fl-istess livelli ta’ din is-sena, bi tkabbir reali ta’ 4%, kontra l-1.5% fl-Unjoni Ewropea. 

“Pajjiżna, it-tkabbir ekonomiku tiegħu minn tal-inqas se jkun tliet darbiet aktar minn dak li l-Unjoni Ewropea se tkun qiegħda tesperjenza,” spjega l-Ministru Caruana. “Dan meta pajjiżi kbar, ġganti tal-Ewropea, it-tkabbir tagħhom huwa minn negliġibbli għal kważi xejn.”

Skont dak li qed jiġi proġettat, l-ekonomija ta’ Malta se tkompli tikber bir-rata medja ta’ madwar 4%. “Rata li se tkompli tippermettilna nkomplu ntejbu l-livell tal-għajxien, il-politika fiskali tagħna, u se tgħinna nilħqu aktar negozji u familji Maltin u Għawdxin.”

Dwar is-suq tax-xogħol, il-Ministru Caruana fakkar li 10 snin ilu, minkejja li kien hemm ċertu xettiċiżimu, dan il-pajjiż għamel diversi għażliet kuraġġużi, ta’ politika, illi wasslu għar-riżultati. 

Skont il-Ministru dawn in-numri jindikaw bl-aktar mod ċar li dan il-pajjiż matul iż-żmien irnexxielu jtejjeb ir-rata ta’ nies fl-impjieg speċjalment fost in-nisa li żdiedet bl-aktar mod sinifikanti u llum il-ġurnata, din ir-rata saħansitra tiżboq dik tal-Unjoni Ewropea. 

It-tkabbir tas-suq tax-xogħol wassal ukoll biex pajjiżna, għall-ewwel darba fl-istorja, ikollu l-inqas ammont ta’ nies dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Dan filwaqt li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea (84.1%). 

Il-Ministru Caruana żied jinnota li Malta għandha l-inqas rata ta’ qgħad fl-UE. “F’Ġunju 2025, ir-rata f’pajjiżna kienet fil-livell ta’ 2.5%, bil-medja fl-UE tkun dik ta’ 5.7%.”

“Dan kollu nistgħu nsostnuh mhux biss għax ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet tajbin 10 snin ilu, imma għax qed nkomplu nadottaw politika fiskali responsabbli, li tkompli tipproteġi lis-suq tax-xogħol mid-daqqiet esterni,” tenna l-Ministru. 

Dwar l-inflazzjoni, il-Ministru Caruana semma li din niżlet sostanzjalment grazzi għall-miżuri li ttieħdu, bir-rata f’Lulju li għadda tkun fil-livell ta’ 2.5%. Stqarr li fix-xhur li ġejjin, l-inflazzjoni mistennija tkompli timmodera u “fix-xhur li ġejjin toqgħod fil-livell ta’ 2%.”

Il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern. Huwa qal li fil-passat riċenti saret rivoluzzjoni oħra siekta, li se tħalli ħafna ġid u li se twassal għal ħafna tibdil fis-snin li ġejjin. 

“Kif 10 snin ilu, għedna daqshekk għall-abbuż fuq il-benefiċċji soċjali, u dik ir-riforma għax saret bilgħaqal ħadmet, ilkoll nafu li f’kull okkażjoni li jkolli dejjem intenni b’ċertu fermezza li ż-żmien li wieħed ma jħallasx it-taxxa jrid jispiċċa.”

“Ir-riżultati fid-dħul tal-Gvern, anke permezz tal-investiment kbir li qed nagħmlu fis-sistema tal-IT fl-amministrazzjoni tat-taxxa juri dan. Id-dħul tal-Gvern is-sena l-oħra fuq is-sena ta’ qabel żdied b’1.2 biljun ewro,” qal il-Ministru.

“Il-Gvern qed jiġbor dak li għandu jiġbor. Għad baqa’ xi jsir. Iżda dak li għandna niġbru, se niġbruh. M’għandniex għalfejn inżidu jew indaħħlu taxxi. U m’għandux għalfejn isir hekk. Imma dak li hemm illum irid jinġabar. Nagħti l-assigurazzjoni tiegħi illi d-dħul tal-Gvern ta’ din is-sena se jkun aktar minn dak li kien is-sena l-oħra fil-mod totali tiegħu.”

Dwar l-ispiża tal-Gvern, huwa qal li din kompliet tiżdied minn sena għall-oħra, b’rata inqas minn kemm jiżdied id-dħul. Semma kif l-Gvern għadu jonfoq mal-€200 miljun fis-sena biex jissussidja l-kontijiet tal-enerġija fost oħrajn. 

F’dak li għandu x’jaqsam mad-dejn tal-pajjiż, il-Ministru Caruana qal li Malta għandha l-11 l-inqas rata ta’ dejn fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, rata ta’ madwar 47%. 

“L-għan tagħna huwa dak li kif issa d-defiċit se jkompli nieżel, u l-ekonomija se tkompli tikber, mhux li nibqgħu taħt il-50%, iżda li noqorbu aktar lejn l-40%, li nkomplu nnaqqsu l-piż tad-dejn.”

Il-Ministru Caruana qal li dan kollu jfisser serħan il-moħħ li l-pajjiż għandu biżżejjed flessibilità li meta jiġu d-daqqiet, bħalma ġew, il-Gvernijiet ta’ għada se jkollhom biżżejjed saħħa biex dawk id-daqqiet jilqgħulhom u dan il-pajjiż jibqa’ b’saħħtu. 

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Caruana tenna l-Budget 2026 se jkun ieħor responsabbli, li jkompli jgħin lill-familji u jkompli jgħin lil min iħaddem sabiex ikomplu jsostnu s-suq tax-xogħol. Budget ieħor li fi kliemu se jkompli jsaħħaħ is-sisien ta’ dan il-pajjiż fost il-kompettituri tagħna anke fl-Unjoni Ewropea. 

“Minkejja l-isfidi jibqgħu hemm f’diversi oqmsa, dan irid ikun bduget ieħor fejn irridu nkomplu naraw il-benesseri ta’ dan il-pajjiż, taċ-ċittadini tiegħu, jkompli jitjieb minn sena għall-oħra,” temm jgħid il-Ministru għall-Finanzi.

Preżenti għat-tnedija tad-dokument ta’ qabel il-budget għas-sena 2026 kien hemm ukoll diversi stakeholders u msieħba soċjali fosthom il-General Workers’ Union li kienet rappreżentata mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja. 

Kull min jixtieq iressaq xi proposta jew suġġeriment għall-Budget li jmiss jista’ jagħmel dan billi jibgħat email fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport