Monday, April 22, 2024

Jitnieda l-ENGAGE – Forum Parteċipatorju għall-Persuni b’Diżabilità

Aqra wkoll

Tnieda l-bord ENGAGE li jfisser li Malta għamlet pass ieħor sabiex timplimenta b’mod sħiħ il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, pass li jkompli jibni fuq l-isforzi li għamel il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur tul dawn l-aħħar snin. Flimkien mat-tnedija uffiċjali ta’ dan il-Bord, saret ukoll l-ewwel laqgħa tiegħu, fejn għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru ddeskriviet l-ewwel laqgħa tal-Bord ENGAGE bħala waħda storika hekk kif permezz ta’ dan il-Bord, deċiżjonijiet li se jkunu qed jittieħdu fil-preżent u l-futur se jkunu mibnija minn persuni b’diżabilità u professjonisti fis-settur. Hija fakkret li t-twaqqif ta’ dan il-Bord hu wkoll wegħda elettorali u konferma oħra li l-Gvern għandu lill-persuni b’diżabilità fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

L-ENGAGE huwa forum parteċipatorju għall-persuni b’diżabilità, illi permezz tiegħu deċiżjonijiet importanti li jolqtu s-settur tad-diżabilità ser jibdew jiġu diskussi mill-Gvern ma’ dawn il-persuni, bil-parteċipazzjoni wkoll tal-akkademja, u tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), bħala l-entità regolatorja għas-settur. Dan l-obbligu joħroġ mill-Artiklu 4(3) tal-Konvenzjoni, u ddaħħal fil-liġi Maltija permezz tal-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kapitlu 627 tal-Liġijiet ta’ Malta, li għadda mill-Parlament.

Kif jitlob l-Att, ġiet adottata leġislazzjoni sussidjarja, sabiex ikun kostitwit u jibda jaħdem dan il-forum, fit-termini tal-Konvenzjoni, u tal-Kumment Ġenerali Numru 7 għall-Konvenzjoni maħruġ mill-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, il-linji gwida uffiċjali maħruġa mill-Ġnus Magħquda f’dan ir-rigward.

Ir-rappreżentanti b’diżabilità fuq dan il-forum, inkluż iċ-Chairperson, jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-membri, u jiġu minn faxex differenti tas-settur. Flimkien magħhom, hemm rappreżentati d-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI) fi ħdan dan il-Ministeru, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, il-President tal-Federazzjoni Nazzjonali dwar id-Diżabilità rikonoxxuta mill-Gvern, l-MFOPD (Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għal Persuni b’Diżabilità), u d-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali tal-Università ta’ Malta.

Il-membri tal-ENGAGE huma:

•             Jacob Callus (Chairperson)

•             Joseph Stafrace (Membru)

•             Pamela Muscat (Membru)

•             Clayton Micallef (Membru)

•             Jean Fred Agius (Membru)

•             Robert Falzon (Ġenitur ta’ persuna b’diżabilità)

•             Alistair de Gaetano (DDI)

•             Marthese Mugliette (MFOPD)

•             Andrew Azzopardi (Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà)

•             Samantha Pace Gasan (CRPD)

•             Jessica Delia (Segretarja)

Sport