Tuesday, May 14, 2024

Jitnieda l-ewwel prodott dermokożmetiku minn Malta 

Aqra wkoll

SkinDuoTM, l-ewwel terapija (topical u oral) fid-dinja għall-akne b’batterja ħajja, ġiet imnedija minn Malta, wara riċerka u żvilupp minn BioArte Limited, mil-laboratorji tagħha fil-Malta Life Sciences Park. Il-prodott tnieda mill-Kap Eżekuttiv ta’ BioArte Limited, Dr Manuele Biazzo fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l- Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti. 

Il-prodott ta’ BioArte, juża taħlita ta’ żewġ prodotti: topical serum li jindirizza l-iżbilanċ mikrobjali fuq il-ġilda u suppliment tal-ikel orali mmirat biex jibbilanċja l-gut microbiota. Huwa wieħed tat-tip tiegħu bi probijotiċi, billi jieħu vantaġġ mill-mikro-organiżmi tajbin li diġà għandna fil-ġisem tagħna. 

Ir-riċerka u l-iżvilupp tal-prodott saru possibbli grazzi għall-għajnuna mogħtija mill-Malta Enterprise taħt diversi skemi. L-appoġġ kien jammonta għal aktar minn €300,000, li kkontribwixxa għar-riċerka dijanjostika ta’ BioArte. Il-kumpanija tuża teknoloġija proprjetarja biex tinvestiga l-microbial communities u għalhekk twassal għall- iskoperta ta’ ‘signatures’ ġodda fil-ġisem, ingredjenti ġodda u probijotiċi. 

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-SMEs jistgħu jkunu l-aġenti ewlenin tal-innovazzjoni. Għalhekk, il-Malta Enterprise qiegħda hemm biex tħeġġeġ lill-SMEs lokali u internazzjonali biex isaħħu n-negozju tagħhom lokalment u jikkontribwixxu permezz ta’ R&D għal liema innovazzjoni globali tista’ tinkiseb hawn Malta. “L- attivita tal-lum hija xhieda ta’ riċerka minn Malta x’tista’ twassal, riċerka li twassla għal żvilupp ta’ prodott konkret. Hekk kif aktar SMEs jikbru u jkunu ta’ suċċess, dawn iservu bħala xhieda tal-pedament sod li diversi skemi jistgħu jipprovdu. Inħeġġu aktar innovaturi u startups biex jersqu ’l quddiem biex mhux biss jibbenefikaw mill-iskemi offruti, iżda wkoll għaliex il-Malta Enterprise tista’ sservi ta’ pont bejn esperti jew akkademja oħra li tiżboq teknoloġiji, prodotti, u innovazzjoni ġodda”, qalet il-Ministru Dalli. 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti faħħar ix-xogħol tal-kumpanija BioArte Ltd fl-industrija tar-riċerka u l-innovazzjoni bit-tnedija tal-prodott Skin Duo. “Il-Gvern jemmen bis-sħiħ fir-riċerka u innovazzjoni u huwa kommess li jkompli jinvesti f’dan il-qasam”, kompla Keith Tanti. “Diġa’ nedejna diversi skemi sabiex naġevolaw it-tkabbir tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna, filwaqt li nħeġġu ħidma konġunta bejn entitajiet governattivi, is-settur akkademiku, u l-privat. Fis-sena li ġejja se nkomplu nniedu aktar skemi sbaiex nespandi l-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni”, qal Azzopardi Tanti. 

“Fl-aħħar xhur, rajna lill-Malta Enterprise timbotta ‘l quddiem l-istartups. Dan il-fokus huwa direttament assoċjat mas-sinerġija bejn startups u RDI. Irridu nkomplu nattiraw startups innovattivi b’element għoli ta’ R&D, speċjalment peress li għadhom fl-aqwa tagħhom biex jiżviluppaw il-prodotti ewlenin tagħhom. Il-messaġġ huwa ċar; l-għodod qegħdin hemm, u l-Malta Enterprise hija ħerqana li tassisti”, spjega l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. 

Skont Dr Manuele Biazzo, Kap Eżekuttiv ta’ The BioArte, l-għarfien li l-probijotiċi jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għal skin disorders kien diġà hemm, iżda ħadd ma kien kapaċi, s’issa, jilħaq is-suq bi prodott bħal dan. “Aħna minn ta l-ewwel li qed noħorġu b’approċċ ibbażat fuq probijotiċi orali flimkien ma’ serum topiku applikat direttament fuq il-ġilda. Iż-żewġ trattamenti jittieħdu fl-istess ħin”, irrimarka Dr Biazzo. 

Sport