Sunday, May 5, 2024

Immigrazzjoni: Negozjati minn Cyrus Engerer f’isem is-Soċjalisti jwasslu għal qbil wara tmien snin 

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għadhom kemm iffinalizzaw u laħqu ftehim dwar l-ewwel liġi fost il-ħafna fil-qasam tal-Immigrazzjoni li ilhom mweħħlin mill-Kunsill tul dawn l-aħħar 8 snin. 

F’isem il-partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi, l-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer mexxa d-diskussjonijiet favur l-interessi ta’ pajjiżi li jinsabu mal-periferija tal-Unjoni Ewropea, bħal Malta, li qegħdin iġorru l-maġġorparti tal-piż tal-Immigrazzjoni fl-Ewropa. 

“Dan il-qbil ser iwassal għal ftuħ u reviżjoni għal-liġijiet li jikkonċernaw l-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Suġġett li bħala Maltin ilna nħambqu fuqu għal snin twal”, spjega Engerer. Il-liġi li għadha kemm ġiet iffinalizzata tikkonċerna l-akkoljenza ta’ immigranti rregolari li jaslu fl-Ewropa. 

“Ma hemmx dubju li fadlilna ħafna xogħol x’nagħmlu fuq livell Ewropew sabiex il-qafas legali li jirregola l-imigrazzjoni rregolari verament jindirizza l-isfidi li naffaċċjaw f’Malta u fil-pajjiżi tal-periferija”, qal Engerer filwaqt li enfasizza li huwa kommess li sal-aħħar tal-mandat jinstab kompromess dwar il-qsim tal-piż tal-imigrazzjoni.

“Ma jistax ikun li aħna bħala l-ewwel punt tad-dħul mill-Afrika ta’ Fuq inkomplu naqdfu waħedna mingħajr l-għajnuna tal-kumplament tal-Unjoni. Kull pajjiż Ewropew għandu jkollu l-obbligu li jerfa parti mill-piż” saħaq Engerer. 

Fis-sena l-ġdida, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser ikomplu bin-negozjati tagħhom bl-għan li jintlaħaq kompromess fuq il-kumplament tal-liġijiet li jirregolaw l-imigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea. “Dawn il-liġijiet ilhom mwaħħlin għal wisq zmien iżda permezz ta’ dan ir-riżultat illum wittejna t-triq għall-progress li tant ilna nixtiequ fil-qasam tal-imigrazzjoni”, temm jgħid Engerer.

Sport