Tuesday, April 23, 2024

Tibda l-ewwel edizzjoni tal-villaġġ tal-Milied fil-Mellieħa

Aqra wkoll

F’Misraħ iż-Żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni l-Mellieħa, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sinjura Miriam Vella u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, fetħu uffiċjalment l-ewwel edizzjoni tal-attività ‘Villaġġ tal-Milied fil-Mellieħa’. Parti mid-dħul tal-attivitajiet organizzati għal dan il-villaġġ tal-Milied ser imorru b’risq The Malta Community Chest Fund.

Għal din l-attività l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ibbenefika minn finanzjament ta’ ftit aktar minn €42,000 mill-iskema ‘Attivitajiet Annwali tal-Milied 2022’ li tinħareġ mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

“Kemm hu sabiħ u siewi li l-Kunsilli Lokali jorganizzaw attivitajiet soċjali fil-lokal, mhux biss fi żmien il-Milied imma matul is-sena kollha. Għaliex, attivitajiet soċjo-kulturali joffru sens ta’ komunità u jkomplu jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna, speċjalment wara nuqqas ta’ sentejn minn attivitajiet soċjali minħabba l-pandemija” qalet Zerafa Civelli.

Il-‘Villaġġ tal-Milied fil-Mellieħa’ din is-sena ser ikollu xejra differenti u b’attrazzjonijiet ġodda minn dak tal-‘Milied Mellieħi’, li kien jiġi organizzat fi snin preċedenti qabel il-pandemija tal-Covid19. L-Illuminated Trail, Trackless Train, Father and Mother Christmas Sleigh, presepju ħaj u wirja bil-presepji huma fost l-attrazzjonijiet ta’ dan il-villaġġ tal-Milied. 

Is-Sinjura Miriam Vella rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa talli ħaseb li jorganizza din l-attività b’risq The Malta Community Chest Fund li għandha bżonn il-fondi biex tgħin lil min għaddej minn żmien diffiċli speċjalment dawk morda bil-kanċer.

Il-Viċi Sindku s-Sur John Buttiġieġ qal li b’mod unanimu l-kunsill lokali qabel li l-attività tal-Milied fil-lokalità tal-Mellieħa għal din is-sena minbarra li jkollha aspett reliġjuż u kulturali,  għal din is-sena minbarra l-aspett reliġjuż u kulturali.

Il-Viċi Sindku s-Sur John Buttiġieġ irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-kunsill lokali u l-għaqdiet volontarji tal-ħidma tagħhom sabiex jittella’ l-villaġġ tal-Milied fil-Mellieħa. Huwa ħeġġeġ ukoll lir-residenti u l-poplu Malti u Għawdxi biex iżuru l-villaġġ u jagħtu l-kontribut tagħhom lil The Malta Community Chest Fund.

Is-Segretarju Parlamentari fakkret li għall-ewwel darba din is-sena l-Kunsilli Lokali ser ikunu qed jagħtu s-sehem tagħhom fl-inizjattiva ‘Rigal bi mħabba’. Ir-residenti jistgħu jpoġġu r-rigali taħt is-siġra tal-Milied fil-lokalità tagħhom bejn it-12 u d-19 ta’ Diċembru. “Inħeġġiġkom biex tagħtu rigal mill-qalb ħalli din is-sena nferrħu ħafna aktar tfal li l-familji jew il-kustodji tagħhom m’humiex f’qagħda li jixtrulhom rigal tal-Milied” temmet tgħid Zerafa Civelli. 

Il-villaġġ tal-Milied fil-Mellieħa ser ikun miftuħ għall-pubbliku bejn il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru sal-Ħadd 18 ta’ Diċembru mis-7:30 ta’ filgħaxija ‘il quddiem. Filwaqt li l-illuminated trail ser tibqa’ miftuħa sat-Tnejn 2 ta’ Jannar 2023.

Sport