Tuesday, April 30, 2024

Jitnieda programm ta’ żvilupp artistiku maqsum f’erba’ skemi b’investiment dirett ta’ €800,000

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda programm ta’ żvilupp artistiku, immexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti, li se jinkludi erba’ skemi speċifiċi mmirati biex ikabbru l-iżvilupp tat-talent artistiku u komunitarju, kemm għall-pjattaformi lokali kif ukoll internazzjonali.

Dan il-programm ser jara erba’ skemi b’investiment dirett ta’ €800,000 li jinkludu l-Project Research and Development Scheme, il-Project Support Scheme, l-International Cultural Exchanges Scheme u l-Kultura TV Scheme.

Waqt li indirizza konferenza stampa, il-Ministru Bonnici spjega li dan il-programm huwa fattur importanti fl-iżvilupp tas-settur kulturali u dak kreattiv, għaldaqstant dawn l-iskemi se jkunu qed jilħqu diversi artisti ġodda.

“Inkomplu ninvestu fil-kultura tagħna, inkomplu wkoll nagħtu sostenn lis-setturi kreattivi u kulturali fejn iktar artisti qed jingħataw l-opportunità jkabbru u jtejbu t-talenti tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.

Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi qalet, “Dawn l-iskemi huma bżonnjużi u għandna bżonn iżjed minnhom sabiex inkomplu nagħtu opportunità lill-artisti, kif ukoll sapport lill-komunità – dan ukoll huwa l-għan tal-Kunsill Malti għall-Arti”.

Il-Project Research and Development Scheme se tgħin gruppi u organizzazzjonijiet biex jippjanaw, jiżviluppaw u jwettqu l-għanijiet strateġiċi tal-Kunsill Malti għall-Arti. L-iskema hija mmirata biex tinvesti fl-eċċellenza artistika, billi tinkoraġġixxi livelli ta’ riskju kreattiv, esperimentazzjoni u impenn attiv tal-komunitajiet. Dan filwaqt li tappoġġa proġetti ta’ kwalità kif ukoll tidentifika t-talent u tinkoraġġixxi l-iżvilupp tiegħu.

L-iskema tal-International Cultural Exchanges hija parti integrali għas-setturi tal-kultura u tal-kreattività. Din hija ffukata speċifikament għall-Maltin li għandhom iktar minn 18-il sena biex jippromwovu x-xogħlijiet tal-arti u l-produzzjonijiet kulturali tagħhom.

Il-Project Support Scheme hija waħda mill-għodod ta’ għajnuna għall-individwi, għall-gruppi jew għall-organizzazzjonijiet li tinkoraġġixxi l-involviment attiv tal-komunitajiet, tippromwovi u tappoġġa wkoll id-diversità, l-inklussività u l-iżvilupp tal-komunità kif ukoll tagħti iżjed ċans għal kollaborazzjonijiet u għall-inklużjoni.

L-iskema KulturaTV se tagħti appoġġ għal żvilupp ambizzjuż fejn jidħol it-televiżjoni, u ser jingħataw għajnuna għall-programmi kulturali, bil-possibbiltà għal distribuzzjoni internazzjonali. L-għan hu li ninċentivaw u ntejbu l-kwalità tal-programmi televiżivi. Il-proġetti jistgħu jinkludu drama oriġinali, dokumentarji u programmi kulturali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġa t-traduzzjoni ta’ letteratura u skripts oriġinali Maltin għal kwalunkwe lingwa oħra, inklużi sottotitoli, traskrizzjoni u captioning għal films, dokumentarji kreattivi, drammi, drammi televiżivi, animazzjoni, skripts ta’ performance, libretti u video art.

Għal aktar informazzjoni tista’ żżur is-sit artscouncil.mt, iċċempel fuq 2334 7230 jew tibgħat email fuq [email protected].

Sport