Illum madwar id-dinja jiġi ċċelebrat il-Jum għall-Edukazzjoni, li din is-sena għandu t-tema ‘It-Tagħlim għall-Paċi Dejjiema’ (Learning for Lasting Peace). Għal din l-okkażjoni l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar l-Iskola Primarja tan-Naxxar, Kulleġġ Maria Reġina u filwaqt li ltaqa’ mal-istudenti tal-ħames sena, ippreżentalhom kopji tal-ktieb ‘Il-Papagall tas-Surmast’.
Il-ktieb, li se jintuża waqt il-lezzjonijiet tal-Personal Social Career Development (PSCD), għandu l-għan li jgħin l-istudenti jevitaw il-bullying, jieħdu azzjoni pożittiva, jitgħallmu lil min għandhom jitolbu għall-għajnuna f’każ ta’ bullying, kif ukoll kif għandhom jgħinu f’każ li huma jaraw każi ta’ min qed ikun bullied.
It-tema tal-ktieb tirrifletti t-tema ta’ dan il-Jum, li din is-sena qed iqajjem kuxjenza dwar sfidi dinjin: it-tibdil fil-klima, il-kunflitti, l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, il-vjolenza u l-kunflitt fuq skala globali, u kif l-edukazzjoni toħroġ bħala għodda b’saħħitha kemm biex tindirizza kif ukoll tipprevjeni dawn l-isfidi fil-futur.
Fil-messaġġ tiegħu lill-istudenti, il-Ministru Grima qal “L-għażla jekk inkunux nies twajba jew le u l-mod kif naġixxu ma’ ħaddieħor tirrifletti l-mod kif inkunu magħna nfusna. Dan japplika fl-imġiba tagħna f’kollox. Minn età żgħira huwa importanti li nħarsu ’l quddiem lejn il-futur tagħna, u nibdew nibnu lilna nfusna biex inkunu ċittadini denji u responsabbli.”
Huwa fakkar l-istudenti x’inhuma dawk l-atti li jikkonsistu f’bullying, u li dan jista’ jieħu diversi forom. Ma jfissirx biss atti fiżiċi, jew li persuna tkun eskluża minn grupp, li persuna titwarrab, kelma żejda li taffettwa lill-persuna, imma wkoll, bl-iżvilupp tal-mezzi elettroniċi u diġitali, is-cyber bullying, jiġifieri meta dan ikun qed isir permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi jew online.
Il-Ministru Grima fakkar ukoll li kull forma ta’ bullying hija ħażina u m’għandhiex isseħħ. “Każi ta’ bullying jistgħu jwasslu għal konsegwenzi koroh. Imma hija importanti wkoll li min jaqa’ vittma, ma jibżax jersaq ’il quddiem u jitkellem dwar il-problemi li jkun għaddej minnhom,” sostna l-Ministru Grima.
Kompla li ħafna drabi dawk li jispiċċaw vittma ta’ bullying jsibuha diffiċli biex jiddefendu lilhom infushom u dan il-ktieb huwa maħsub biex jgħinhom jersqu ’l quddiem u jitkellmu kemm jekk jgħaddu minn każijiet ta’ bullying kif ukoll għal dawk li jaraw jew jafu b’xi forma ta’ bullying fuq ħaddieħor, biex jitkellmu ma’ adult, mal-edukatur, mal-ġenituri jew kwalunkwe persuna oħra li jħossuhom siguri magħha.
Il-ktieb li jgħarbel id-differenza bejn li wieħed ikun passiv, aggressiv u assertiv, għandu kitba u illustrazzjonijiet ta’ Dunstan Hamilton u jirrakkonta l-istorja ta’ Anita, tifla li tibda tkun bullied, u naturalment, kif jissemma fit-titlu tal-ktieb, il-pappagall tas-surmast, huwa l-eroj ta’ din l-istorja.
Il-ktieb, li għandu wkoll verżjoni bl-Ingliż, isemmi wkoll is-servizz mogħti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, permezz tal-Anti-Bullying Services fi ħdan in-National School Support Services, kif ukoll l-għajnuna li wieħed jista’ jsib meta jċempel fuq in-numru 179.