Jitressqu aktar xhieda fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

0
1

Daħal fid-disa’ jum il-ġuri ta’ Yorhen Fenech li jinsab mixli li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Wieħed mix-xhieda kien l-uffiċjal Darren Debattista, fejn spjega kif hu kien intalab li jagħmel tfittxija u investigazzjoni fuq il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Qal li fil-15 ta’ Novembru 2017 il-karozza kienet ittiedet fil-kumpless tal-Pulizija ta’ St Andrews f’Pembroke, fejn ittieħdu numru ta’ kampjuni differenti biex jiġu ndentifikati xi kimiċi waqt l-investigazzjoni. Jispjega kif hu kien ingħata din ir-responsabbilità flimkien ma’ uffiċjali oħra Maltin kif ukoll nies mill-Europol.

Ġie indikat li l-isplużjoni seħħet minn ġewwa għall-barra filwaqt li nstabu oġġetti fil-karozza li l-użu tagħhom kien biex jagħmlu iżjed ħsara fil-karozza fosthom shrapnel.

Wara x-xhieda ta’ Debattista kien imissi dik tal-uffiċjal Clinton Vella. Ix-xhud spjega li, bħala parti mill-investigazzjoni, kienet inkriet karozza tal-istess mudell ta’ Caruana Galizia, Peugeot 108. 

Dan sabiex l-investigaturi jkollhom punt ta’ referenza ċara u jkunu jistgħu jqabblu l-oġġetti oriġinali tal-karozza mal-fdalijiet li nstabu fil-karozza maħruqa. B’dan il-mod setgħu jiddeterminaw liema oġġetti kienu jagħmlu parti mill-karozza nnifisha u liema kienu tpoġġew minn persuni terzi bħala parti mill-apparat splussiv li kkawża l-isplużjoni.

Vella jgħid quddiem il-Qorti dwar l-investigazzjonijiet li saru fuq il-mowbajl ta’ Caruana Galizia, li nstab ħdejn ir-rota ta’ wara tal-karozza. J

Jispejga kif fis-6 ta’ Novembru tal-2017, l-uffiċjali rċievew kaxxa mill-kumpanija DHL bil-mowbajl ta’ Caruana Galizia fiha. Dan wara li kien intbat barra minn Malta biex isiru t-testijiet neċessarji.

Hawn bdew jintwerew diversi oġġetti li nstabu fil-karozza jew qrib il-karozza. F’dan il-ħin persuna nstemgħet tibki u toħroġ ‘il barra mill-awla.

Wara li temm ix-xhieda tiegħu Vella, reġa’ ġie msejjaħ Debattista fejn kompla jispjega li saru spezzjonijiet oħra fuq żewġ dgħajjes, iżda f’waħda minnhom ma nstabu l-ebda marki tas-swaba suspettużi. Jispjega kif sar xogħol ieħor fuq tliet karozzi, BMW, Mercedes u Audi, li kienu pparkjati biswit it-tinda tal-patata. Huma fittxew ukoll f’dgħajsa qrib it-tinda bl-isem ta’ “Maya”, fejn sabu iżjed SIM cards u loqom tas-sigaretti.

Debattista jispjega kif ġew elevati diversi SIM cards minn dawn il-mowbajls li wkoll ingħataw lill-uffiċjali tal-forensika għall-investigazzjoni.

Jgħid ukoll kif kienet saret investigazzjoni estensiva fit-tinda tal-patata fil-Marsa, fejn kienu ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat “il-Koħħu”. Huwa jgħid li hawn kienu nstabu ħafna marki tas-swaba, u mowbajls li wħud minnhom kienu fil-baħar biswit. L-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat diġà qed jiskontaw sentenza ta’ 40 sena u 15-il sena ħabs, rispettivament, wara li ammettew l-involviment tagħhom fl-omiċidju.

Xhud ieħor kien Arthur Borg fejn spjega li li dakinhar stess, wettqu tfitxxija estensiva oħra f’appartament fi Triq il-Pon San Pawl il-Baħar. Hawnhekk kienu sabu lil Alfred Degiorgio magħruf bħala “l-Fulu” taħt superviżjoni mill-Pulizija. Mit-tfittxija li kienet saret fl-appartament nstab apparat elettroniku, sistema ta’ GPS li normalment tintuża fuq il-baħar u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Borg ikompli jixhed li fil-5 u s-6 ta’ Diċembru tal-2017 saret tfittxija oħra fil-Fond St Joseph Farmhouse, fil-Mosta. Jgħid li malli waslu sabu lil Jamie Vella taħt il-kustodja tal-Pulizija. Fid-daħla tal-post sabu diversi skrataċ, filwaqt li fil-binja nnifisha nstabu iżjed mowbajls, multimeter, u ngwanti tal-plastik. Borg jgħid li waqt dawn il-jumejn ittieħdu iżjed minn 300 ritratt bħala parti mill-investigazzjoni.

Il-ġuri jkompli…

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here