Wara s-suċċess ta’ My Sweet Angel, li biha ddebutta fil-Malta Eurovision Song Contest u kiseb it-tielet post, illum Mychael Bartolo Chircop jirritorna b’Dancing on the Floor, kanzunetta ġdida akkumpanjata minn vidjo mużikali uffiċjali li juri l-artist f’dawl differenti, wieħed t’aktar enerġija.

B’ritornell li jibqa’ ittimbrat f’moħħok, ritmu qawwi ta’ żfin u lirika dwar it-tentazzjoni u x-xewqat, Dancing on the Floor hija kanzunetta maħsuba biex titgawda b’volum għoli. Il-hook ripetut “keep dancing on the floor” huwa stampa ċara tal-enerġija li l-lejl iġib miegħu: moviment, libertà u divertiment.
Il-kanzunetta nkitbet flimkien ma’ Edward Abela ta’ Midnight Studios, Matthew James u Matt Blxck. Hi tgħaqqad ħoss kontemporanju m’ attitudni b’saħħitha u daqsxejn rock-and-roll. Ir-riżultat hija kanzunetta b’karattru, kunfidenza u enerġija li tkompli turi direzzjoni artistika matura minn Mychael.
“Dancing on the Floor tatni ċ-ċans nieħu aktar gost u nuri naħa tiegħi li hija aktar ħielsa u spontanja,” jgħid Mychael Bartolo Chircop. “Hija kanzunetta dwar li tkun fil-mument, tħalli kollox warajk u tgawdi l-enerġija tagħha,” iżid jgħid.
Il-vidjo mużikali uffiċjali jsaħħaħ din l-identità b’mod viżiv u distint. Il-vidjo jitbiegħed minn dehra illustrata tal-perfezzjoni, biex iwassal atmosfera aktar reali, kuraġġuża u diretta. Dan l-ambjent jagħti lill-kanzunetta identità viżiva qawwija u jirrifletti l-enerġija tagħha.

B’dan ir-rilaxx ġdid, Mychael ikompli juri l-personalità u l-identità tiegħu bħala artist, filwaqt li jibni fuq il-passi li ħa aktar kmieni din is-sena b’ My Sweet Angel.
L-ewwel interpretazzjoni ta’ Dancing on the Floor se ssir waqt l-Isle of MTV Malta ta’ din is-sena, nhar l-Erbgħa 22 ta’ Lulju, fil-Pjazza tal-Fosos, il-Furjana. Mychael Bartolo Chircop se jkun qed jidher fuq l-istess palk ma’ Katy Perry, Afrojack, Jamie Cardona u AIDAN.
Krediti:
Kittieba: Edward Abela & Matt Blxck
Direttur Kreattiv: Steven Levi Vella
Stilista: Jeandor Farrugia
Kowċ Vokali: Pricilla Psaila Giordano
Midja Soċjali: Xavier Borg Montesin
Amministrazzjoni tal-Artist: Marc Calleja Bayliss










