Tabib Ġermaniż ġie kkundannat għal għmoru l-ħabs wara li nstab ħati li qatel 12-il mara u 3 irġiel.
Qorti f’Berlin sabet lit-tabib ta’ 41 sena li ngħata l-isem “Johannes M” li bejn Settembru tal-2021 u Lulju tal-2024 qatel dawn il-persuni kollha.
L-awtoritajiet Ġermaniżi qalu li huma jemmnu li hemm aktar vittmi f’dan il-każ u fil-fatt għaddejja investigazzjoni fuq persuni oħrajn li kienu taħt il-kura tat-tabib u spiċċaw mietu.
Il-vittmi tiegħu kellhom bejn 25 sena u 94 sena. Fil-Qorti ntqal li huma kollha kellhom marda terminali, iżda mhux li jmutu wara ftit jiem biss.
L-investigaturi fi tfittxija li saret fid-dar tat-tabib sabu diversi mediċini li jikkawżaw il-mewt. Skont dak li ntqal fil-Qorti, it-tabib f’Lulju tal-2024 qatel żewġ persuni f’ġurnata waħda.
Matul il-ġuri li dam għaddej kważi sena qatt ma lissen kelma, iżda x-xahar li għadda hu ammetta li kien qiegħed jagħti mediċina li tikkawża l-mewt lil xi pazjenti tiegħu. Qal li hu dejjem ħaseb li dak li qiegħed jagħmel, qed ikun għal ġid tal-pazjent biex ma jbatix.









