Saturday, December 28, 2024

Jitressqu riżoluzzjonijiet dwar ftehimiet mal-AUM u SmartCity Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri bagħat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, fi ħdan il-Parlament ta’ Malta, żewġ riżoluzzjonijiet u dokumentazzjoni oħra dwar ftehimiet mal-American University of Malta (AUM) u SmartCity Malta.

Dan ifisser li f’inqas minn mitt jum ta’ gvern ġdid, inżammet il-wegħda li jibda l-proċess biex art verġni fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-AUM se tingħata lura lin-nies, filwaqt li SmartCity se tibqa’ tingħata l-ħajja u ssir waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin f’pajjiżna.

Filwaqt li l-ftehimiet huma separati minn xulxin, art fi SmartCity li l-gvern se jikseb lura se tkun allokata għal diversi inizjattivi, fosthom ir-rilokazzjoni tal-AUM minn Wied il-Għajn u minn parti f’Bormla li kienet se tinbena.

Fuq l-art fi SmartCity se jinbena wkoll il-kampus il-ġdid tal-ITS.

Mal-AUM il-bidliet huma primarjament ibbażati fuq it-tpartit ta’ art ma’ oħra filwaqt li fil-każ ta’ Smart City, il-gvern qed jimpenja ruħu li jagħmel ċertu investiment li minnu tgawdi l-komunità kollha kemm hi. 

Fi SmartCity, l-ispazji miftuħa wkoll mistennija jiżdiedu.

L-art fiż-Żonqor rinunzjata lura lill-gvern se tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar, l-art li se tingħata lura lill-poplu f’Bormla se tara proġett ta’ tisbiħ, u n-Nofsinhar ta’ Malta se jkompli jgawdi minn investiment u ħolqien ta’ impjiegi.

Ekonomija

Sport