Friday, December 27, 2024

Jittellgħu l-poloz tal-Fażi finali tal-Euro 2024

Aqra wkoll

L-organizzaturi tal-Euro 2024, il-Ġermanja, li fil-passat rebħu t-tournament tliet darbiet, se jibdew l-impenji tagħhom kontra l-Iskozja meta l-bieraħ f’Hamburg ġew imtellgħin il-poloz tal-finali. Magħhom fl-istess Grupp A hemm l-Ungerija u l-Isvizzera.

Il-logħba se ssir fl-Allianz Arena ta’ Munich, il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju, bil-finali tintlagħab fl-14 ta’ Lulju fl-Olympiastadion ta’ Berlin.

Iċ-champions renjanti, l-Italja, li ma kel­lhomx triq komda biex għaddew għall-finali tant li kellhom jistennew sal-aħħar logħba kontra l-Ukrajna biex ikunu jafu d-destin tagħhom, iżda minnha ħadu l-punt li kellhom bżonn.

It-team ta’ Luciano Spalletti, li kien ir-raba’ wieħed f’Pot 4, se jkunu fi Grupp B ma’ Spanja, li rebħu t-tazza tliet darbiet ukoll, il-Kroazja, li huma l-iktar pajjiż eks Jugoslavja li kiseb suċċess fix-xena internazzjonali, u l-Albanija li għalihom se tkun it-tieni darba wara l-oħra li jinsabu f’dan l-istadju.

Għalhekk it-Taljani jridu joqogħdu attenti mill-Ispanjoli u l-Kroati jekk iridu jgħaddu għall-fażi tan-knock-out.

L-Ingilterra, finalisti fl-aħħar edizzjoni, jidher li telgħu fi grupp pjuttost faċli meta magħhom hemm is-Slovenja, id-Danikarka u s-Serbja fejn id-Daniżi, minkejja li għandhom players magħrufa fl-Ingilterra, m’għadhomx il-forza li kienu qabel. Huma wkoll rebbieħa tal-passat.

L-Ingliżi jiftħu l-programm tagħhom il-Ħadd, 16 ta’ Ġunju, kontra s-Serbja.

Iż-żewġ rebbieħa tal-passat l-Olanda u Franza jinsabu fi Grupp D fejn ma jidhirx li m’għandhomx jgħaddu meta magħhom hemm l-Awstrija u r-Rebbieħa A tal-Play-offs (Polonja, Estonja, Wales, Finlandja).

Il-Belġju huma favoriti li jirbħu Grupp E li jinkludi lis-Slovakkja, ir-Rumanija u r-Rebbieħa B (Iżrael, Bosnja, Ukrajna, Islanda) waqt li r-rebbieħa tal-2016, il-Portugall, ukoll huma favoriti bl-oħrajn magħhom huma t-Turkija u r-rebbieħa tal-1976, ir-Repubblika Ċeka, u r-Rebbieħa C (Georgia, Greċja, Kazakhstan, Lussemburgu).

Ekonomija

Sport