Monday, May 20, 2024

Balzan jegħlbu lil Sirens b’mod komdu

Aqra wkoll

Balzan ……….3

Sirens ………..0

Balzan xejn ma tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Sirens bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0, f’partita li huma ddominaw mill-bidu sat-tmiem.

Huma kienu ferm aħjar tattikament b’kuntrast għal Sirens li dehru ferm traskurati f’kull dipartiment.

Aktar minn hekk, il-Pawlini għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.

Madankolu, kienu huma li ħolqu l-ewwel attakk wara biss żewġ minuti meta Frank Boateng impenja lill-goalkeeper Rudy Briffa.

Balzan wieġbu erba’ minuti wara meta Ivan Bozovic għadda tajjeb lejn Leoanaro Da Silva Souza li kellu x-xutt tiegħu salvat  mill-goalkeeper ta’ Sirens, Ini Etim Akpan.

Il-Balzanin komplew jippressaw u mal-kwarta logħob fetħu l-iskor meta LEONARDO DA SILVA SOUZA kkontrolla tajjeb, qabel dar ma’ Akpan u difen­sur avversarju biex b’mod komdu tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-45 minuta, Balzan irduppjaw l-iskor meta PAUL FENECH minn pożizzjoni ideali u b’eleganza kbira qabbeż il-ballun minn fuq Akpan.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan, komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ meta Ryohei Michibuchi permezz ta’ xutt mill-ewwel minn taħt il-lasta, tefa’ għoli biex iċ-ċans inħela.  

Mal-ħin kompla d-dominju assolut ta’ Balzan u fil-51 minuta rebħu penalty meta Alex Cini waqqa’ lil Aleksa Andrejic fil-kaxxa.

Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-awtur tal-ewwel goal, LEONARDO DA SILVA SOUZA, li permezz ta’ xutt ċentrali fil-baxx ma żbaljax, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.

Sirens wieġbu fis-87 minuta permezz tas-sostitut Daniel Agius li wara li rċieva minn pass perfett ta’ Frank Boateng kellu x-xutt djagonali tiegħu minn pożizzjoni ideali jaħbat max-xibka minn barra.

Imbagħad, ir-ritmu tal- logħba waqa’ xi ftit  bil-logħob ikun konċentrat f’nofs il-ground, b’Balzan ikunu komdi jamministraw il-vantaġġ.

BALZAN: 1-Rudy Briffa, 2-Ivan Bozovic (23-Nikola Zerjal 58), 4-Andre Prates, 5-Samir Arab (80-Peter Olawale 74), 6-Marcus Grima, 8-Paul Fenech (11-Benjamin Hili 74), 18-Ryohei Michibuchi, 21-Aleksandar Katanic (14-Dimeji Awosanja 66), 24-Nikola Braunovic, 42-Leonardo da Silva Souza, 77-Aleksa Andrejic   – Coach: Oliver Spiteri

SIRENS: 12-Ini Etim Akpan, 3-Tiago Almeida Bettim (6-Hasan Gomda 64), 5-Prosper Boakye (99-Nixon Rocha 70), 8-Nicholas Pulis, 10-Frank Boatang, 17-Charles Agyemang (96-Daniel Agius 46), 18-Mohammed Akadom (23-Bismark Asare 64), 22-Alex Cini, 26-Sacha Borg, 29-Kwasi Donsu, 31-Degran Jackson (77-Jean Borg 64)   – Coach: Steve D’Amato

REFEREE: Ezekiel Barbara

ASS. REFEREES: Luke Por­telli, Mitchell Scerri

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORERS: L. Da Silva de Souza 16, 51, P. Fenech 45 (B)

AMMONITI: B. Hili (B)

Sport