Saturday, May 4, 2024

“X’qalb taż-żonqor jista’ jkollok? X’istint bestjali hu dan?” 

Maġistrat bi kliem iebes għal raġel li attakka bla ħniena ieħor u seraqlu l-mobile

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, f’sentenza li tat, kellha kliem iebes ħafna fil-konfront ta’ raġel li attakka bla ħniena raġel oħra li kien miexi għall-affari tiegħu. Il-vittma f’dan il-każ kien iddeskriva kif Christian Cali, flimkien mal-aggressuri sħabu, bdew jagħtuh fuq rasu meta kien mixħut mal-art anke wara li kienu ħadulu l-mobile.

Quddiem din l-aggressjoni, il-Magistrat Frendo Dinech irrimarkat li “X’qalb taż-żonqor jista’ jkollok? X’istint bestjali hu dan?”, filwaqt li żiedet tgħid li s-soċjetà m’għandhiex post għall-persuni bħall-imputat li rrifjuta kull għajnuna u assistenza biex issokta fil-ħajja anti soċjali tiegħu animata minn aggressività gratwita. “Irid tassew ikun irrijabilita ruħu biex fil-fehma tal-Qorti jerġa’ jakkwista d-dritt li jgħix fil-komunità.”

Il-Maġistrat Doinatella Frendo Dimech għamlet dawn ir-rimarki wara li semgħet lil Cali jammetti għall-akkużi miġjuba kontriħ. Il-każ seħħ nhar l-20 ta’ Jannar li għadda, għall-ħabta tal-10.00 p.m. fi Triq Gort, San Ġiljan. 

Cali kien mixli b’serq ta’ mobile, li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-vittma, li żammu kontra l-volontà tiegħu, li kellu sikkina mingħajr liċenzja jew permess mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li sar reċediv. 

Wara li semgħet il-provi li tressqu quddiemha, il-Qorti sabet li Cali wettaq offiżi ta’ natura ħafifa u mhux ta’ natura gravi kif minnu ammessi. Min-naħa l-oħra, il-Qorti qieset in-natura tar-reati fejn intużat vjolenza fuq persuna innoċenti gratwitament u mingħajr l-ebda provokazzjoni.

Il-Qorti ikkunsidrat il-fedina penali kkulurita tiegħu li turi li kien hemm bosta drabi fejn l-imputat ingħata opportunitajiet biex jibdel ħajtu iżda kollha sfaw fix-xejn. Anzi, żied id-doża u beda jwettaq reati aktar serji.

Ingħata wkoll piż lill-fatt li fl-ebda ħin, il-Qorti ma semgħet lil Cali juri xi forma ta’ rimors għal għemilu anzi donnu jippretendi li għaliex ma kienx waħdu li wettaq il-vjolenza, din għandha tissarraf f’xi forma ta’ mitigazzjoni tal-piena.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, il-Qorti kkundannatu piena ta’ 18-il xahar priġunerija li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li l-imputat għamel taħt arrest preventiv. 

Tul dan iż-żmien, Cali għandu wkoll ikompli jsegwi l-ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin. Fil-kors ta’ din l-ordni, Cali għandu jingħata kura psikoloġika u psikjatrika kif rakkomandat mill-uffiċjal tal-probation kif ukoll ikompli jindirizza l-vizzju tad-droga u l-alkoħol. Ma’ dan għandu jingħata trattament għal anger management. 

Cali kien ukoll ikkundannat iħallas multa ta’ €116.47ċ, filwaqt li nħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal żmien tliet snin. Il-Qorti ħassret kull liċenzja maħruġa taħt l-Att dwar l-Armi biex tipprojbixxih milli jkollu xi liċenzja għal żmien ħames snin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Zachary Zammit.

Sport