Jittieħdu t-tablets tal-ġurati fil-każ ta’ Yorgen Fenech

Aqra wkoll

Il-ġurati fil-każ ta’ Yorgen Fenech itteħdulhom it-tablets li kellhom biex ikunu jistgħu isegwu xi evidenza, wara li d-difiża qalet li fuq dawn it-tablets kienu qed jidhru headlines tal-aħbarijiet minkejja li l-ġurati suppost huma iżolati minn dak li jkun qed jiġri barra l-awla.

Il-kwistjoni qamet fil-bidu tas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa, meta l-avukat Charles Mercieca qal lill-Qorti li kien ra fuq wieħed mit-tablets xi ritratti u headlines tal-aħbarijiet meta nfetaħ Chrome. 

Skontu, il-ġurati setgħu jaraw aħbarijiet lokali u internazzjonali minkejja li t-tablets suppost kienu jżommuhom maqtugħin minn dak li jkun qed jiġri barra l-awla. 

L-Imħallef Edwina Grima ordnat li t-tablets kollha tal-ġurati jinġabru u jiġu eżaminati, bl-espert Martin Bajada jintalab jagħti rapport lill-Qorti fi żmien qasir dwar jekk kienx hemm aċċess għall-internet.

Għalissa, il-ġurati se jkollhom isegwu l-ġuri mingħajr it-tablets, u matul is-seduta ngħataw kopji fiżiċi tad-dokumenti u taċ-chats li kienu qed jiġu ppreżentati. 

Il-kwistjoni tat-tablets ħarġet fl-isfond ta’ argument aktar wiesa’ dwar dak li qed jiġi ppubblikat online dwar il-każ. Il-Qorti saħqet li ma tridx twaqqaf ir-rappurtar jew il-kumment ġusti dwar dak li joħroġ fil-proċess, iżda wissiet li ma jistgħux isiru dikjarazzjonijiet dwar kwistjonijiet li huma f’idejn il-ġurati biex jiddeċiedu.

“Qed inpoġġu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja f’riskju,” qalet l-Imħallef. 

Il-prosekuzzjoni, permezz tal-avukat Jason Azzopardi, qalet li kien hemm kampanja kontinwa biex jiġu attakkati l-karattri tax-xhieda tal-prosekuzzjoni. 

Min-naħa l-oħra, Mercieca argumenta li l-volum ta’ posts minn diversi naħat tal-każ jista’ joħloq tħassib dwar kemm il-ġurija tista’ tibqa’ iżolata minn dak li qed jingħad barra l-awla. 

L-Ispettur Kurt Zahra imbagħad kompla jagħti x-xhieda tiegħu dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-interrogazzjonijiet ta’ Fenech. Zahra qal li l-investigaturi kienu sabu elementi li jikkorroboraw parti mill-verżjoni mogħtija minn Melvin Theuma, fosthom dettalji dwar il-pjan tal-qtil. 

Huwa qal ukoll li Vince Muscat kien ikkonferma ċerti elementi tal-verżjoni ta’ Theuma. Il-Qorti semgħet ukoll dwar il-pjan abbandunat tal-2015 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Skont Zahra, Muscat kien qal lill-pulizija li dak il-pjan kien sfaxxa u li, kieku Theuma ma kienx daħal fix-xena bil-€150,000, Daphne Caruana Galizia ma kinitx tinqatel.

Zahra qal li Theuma ma kienx involut f’dak il-pjan u li fl-2015 l-avukat David Gatt kien qal lil Muscat biex iwaqqfu. 

Fl-aħħar tal-eżami tiegħu, Mercieca akkuża lil Zahra li ta xhieda falza meta tkellem dwar interrogazzjoni ta’ Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”.  Skont Zahra, Muscat kien qal li l-qtil ma kienx iseħħ kieku Theuma ma daħalx fix-xena. Mercieca sostna li Muscat kien qal bil-kontra — li ma kellu “l-ebda dubju” li l-qtil kien se jseħħ xorta waħda. 

Il-Qorti ddeċidiet li tmur lura għas-sors u tisma’ hija stess ir-recording tal-interrogazzjoni biex tivverifika x’kien intqal eżattament.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport