Sunday, December 29, 2024

Jiżdied għal 433 tunnellata t-tonn li jista’ jinqabad mis-sajjieda Maltin

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Akwakultura u Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ħabbru pjan t’azzjoni ta’ kif se jitqassmu l-kategoriji tal-kwoti għall-qabdiet tat-tonn għal din is-sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Anton Refalo spjega li tul ix-xhur li għaddew saru bosta laqgħat fuq livell internazzjonali sabiex Malta tinnegozja kwota li minnha jkunu jistgħu jibbenefikaw is-sajjieda reġistrati. “Fil-fatt inħares lejn dawn in-negozjati bħala suċċess għal pajjiżna u għal dan is-settur hekk kif, għal din is-sena, il-kwota li ġiet allokata għal Malta hija ta’ 433,430 kg, li tfisser żieda ta’ 44,179 kg fuq il-kwota li ġiet allokata għal Malta fl-2022,” innota l-Ministru Refalo.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, ddeskriviet il-pjan ta’ azzjoni bħala wieħed li jinċentiva t-tkabbir, u jippremja l-bżulija. “Wasal iż-żmien li s-sajjieda jaħsdu l-frott tas-sagrifiċċju tagħhom. Wasal iż-żmien li s-suċċess li ksibna flimkien, jinqasam flimkien, u jitgawda flimkien,” qalet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

Is-segretarju parlamentari saħqet li l-istaġun tas-sajd tat-tonn huwa importanti għall-protezzjoni tal-bijodiversità marittima ta’ madwar pajjiżna. Dan hekk kif is-sajd tat-tonn, jagħti lok lil speċi oħra tal-ħut, l-iktar dawk tal-qiegħ, li jitkattru u jirriġeneraw ruħhom. “B’hekk, is-sostenibbiltà ta’ dawn l-ispeċi tibqa’ tiġi assigurata, u l-ħidma tas-sajjieda tagħna tkun iktar stabbli.”

Il-pjan ta’ azzjoni tnieda wara diversi ġimgħat ta’ diskussjoni diretta mas-sajjieda Maltin u Għawdxin kollha, permezz ta’, fost l-oħrajn, żewġ laqgħat ta’ konsultazzjoni. Fil-fatt is-sajjieda ngħataw opportunita diretta biex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom sabiex jiġi assigurat li t-tqassim tal-kwoti ikun ġust, ekwu u bilanċjat.

Il-kwoti ta’ din is-sena ser jagħtu opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir lis-sajjieda eżistenti, filwaqt li qegħdin jinċentivaw lil iktar sajjieda żgħażagħ biex jagħmlu l-kuraġġ u jinvestu fis-settur. Il-pjan ta’ azzjoni qiegħed ukoll joħloq kategorija ġdida, biex sajjieda li qabel ma kellhomx opportunita li jinvolvu ruħhom f’dan it-tip ta’ sajd, ikollhom iċ-ċans li jaqbdu massimu ta’ 350 kg. Is-sajd rikreazzjonali ingħata wkoll opportunità biex jimraħ, hekk kif il-kwota ghal dan is-settur din is-sena żdiedet b’tunnellata mal-kwota, sabiex din is-sena iktar sajjieda dilettanti jkunu jistghu jwettqu d-delizzju tagħhom.

Ekonomija

Sport