Friday, April 19, 2024

Iż-żfin huwa arti … m’hemmx tajjeb u ħazin – Alana Bondin

Alana Bondin - żeffiena verstaili, hekk kif tiżfen hi, tgħallem iż-żfin lill-oħrajn u tkun parti wkoll mill-korjografija. F’din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuha aħjar

Aqra wkoll


Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iż-żfin?
Minn ta’ età żgħira dejjem xtaqt li nkun fuq palk, dejjem nara music videos ta’ kantanti kbar bħal Madonna u Britney Spears, u nixtieq li nkun bħalhom!
X’tippreferi u x’inhu dak li tik l-aktar sodisfazzjon – tiżfen int, tgħallem iż-żfin lill-oħrajn jew tkun parti mill-korjografija?

Mistoqsija diffiċli wisq! Meta niżfen jien inkun qed nagħmel l-aktar oġġett li fih inħossni jien u nħossni libera. Filwaqt li meta nkun qed ngħallem, huwa ta’ sodisfazzjon kbir, fejn nibda nara dak kollu li kkrejajt quddiem għajnejja u naqsam it-tagħlim tiegħi.

Iż-żfin huwa arti jew sport – jew it-tnejn li huma amalgamati flimkien?
Iż-żfin huwa arti, u huwa arti għall-fatt li fih wisq espressjoni u kreattivitá li ma nistax insejħilha essaċċ sport. Iva, huwa dixxiplina u anke kompetittiv, peró, żeffin irid ikun ukoll artist.

Iż-żfin kemm jgħin biex il-bniedem jikber b’mod ħolistiku fil-ħajja?
Jgħin immens, għalija ż-żfin huwa lingwa li jista’ jifhimha kulħadd u kulħadd jirrelata ma’ kull tip ta’ żifna, skont dak li jkun għaddej minnu fil-ħajja. Għalija, m’hawn xejn isbaħ miż-żfin!

X’kunfidenza jagħti lill-bniedem iż-żfin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ stima tiegħu nnifsu?
Bis-saħħa taż-żfin, persuna tista’ toħroġ mill-qoxra tal-mistħija li forsi jista’ jkollha. Jgħinek issir dixxiplinat, toħroġ il-karattru tiegħek u jagħtik kunfidenza kbira biex titla’ fuq il-palk u tidher quddiem il-kamera.

Kemm huwa importanti li qabel żifna, tipprepara ruħek mhux biss fiżikament iżda wkoll psikoloġikament?

Huwa importanti ħafna speċjalment jekk tkun fi grupp, fejn int ma tkunx qed tiddependi biss minnek stess, imma minn 10 persuni oħra fejn it-teamwork jirrenja u d-dedikazzjoni titrippla.

Kemm hija importanti dieta tajba għal żeffien?

Hija importanti ħafna mħux mil-lat fiżiku biss, iżda anke għas-saħħa tal-persuna. Iżda xorta waħda, insostni u ngħid li ż-żfin mhux qiegħed hemm biss għal min huwa irqiq, iżda kulħadd jista’ jiżfen!

Kif tipprepara ruħek minn diversi aspetti qabel żifna?
Bħala għalliema nieħu ħsieb mill-A saż-Ż, fosthom korjografija, kostumi, taħriġ, rehearsals, make-up, diski, xagħar u kull oġġett li tista’ timmaġina li jwasslek sal-mument ta’ fuq il-palk.

Kemm tħoss li ż-żfin jgħin biex il-bniedem jesprimi lilu nnifsu b’mod tajjeb u jikkomunika mal-oħrajn?
Kemm jekk qed tiżfen kif ukoll jekk tkun spettatur, iż-żfin, jieħdok ġo dinja oħra, fejn int mhux biss qed tara arti imma qed tara storja … storja li forsi diffiċli tgħidha bil-kliem, iżda b’żifna u espressjoni, tolqot ħafna nies.
Ġieli għaddielek minn moħħok li tmur tgħix barra minn Malta u hemmhekk tgħix biss permezz taż-żfin?

Nammetti li Malta hija marbuta ma’ qalbi wisq! Ġieli mort scolarships barra minn xtutna fuq żfin, peró, jien bħala persuna ma nasalx inħalli art twelidi, avolja l-opportunitá barra minn Malta hija ħafna aħjar minn dik ta’ Malta.

Taħseb li f’Malta għad jasal żmien fejn wieħed ikun jista’ jgħix esklussivament permezz taż-żfin?

J’Alla! Hija xewqa ta’ ħafna artisti … hawn min diġá jgħix permezz taż-żfin, peró, nemmen li baqagħlna ħafna u ħafna x’naqdfu biex issir xi ħaġa vijabbli u normali.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u/ jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fiż-żfin.

Iż-żfin huwa arti … m’hemmx tajjeb u ħazin – jekk trid tieħdu b’serjetá jew b’mod leġġer, agħmel dak li tixtieq qalbek u tħalli lil ħadd iwaqqfek!

Sport