Sunday, December 22, 2024

Jiżdiedu bi ftit il-korrimenti fil-postijiet tax-xogħol

Aqra wkoll

Minkejja r-regolamenti kollha li jeżistu għall-ħarsien tas-saħħa u s-sigurta’ tal-ħaddiema fi kwalunkwe post tax-xogħol, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena kienu rappurtati 1,131 każ ta’ persuni li korrew waqt il-ħidma tagħhom. Dan l-ammont huwa 23 każ ta’ korriment aktar mill-ewwel sitt xhur tas-sena 2020.

Minn dawk kollha li korrew, 903 kienu ħaddiema rġiel filwaqt li 228 kienu impjegati nisa.

Inkwetanti f’dawn iċ-ċifri li tħabbru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) huwa l-fatt li minbarra dawn il-każi kollha li ġraw fl-ewwel sitt xhur, sitta kienu fatali – id-doppju tal-imwiet fuq il-post tax-xogħol għall-istess perijodu tal-2020.

L-industrija tal-kostruzzjoni, bi 17.2 fil-mija tal-korrimenti għadha l-iktar waħda li fiha jseħħu inċidenti u filwaqt li warajha jiġi s-settur tal-manifattura u tat-trasport.

Fil-parti l-kbira tagħhom, il-korrimenti kienu fil-parti ta’ fuq tal-ġisem, fis-swaba u l-idejn u dislokazzjoni ta’ li spallejn.

F’dan l-istess perijodu din is-sena, 27.7 fil-mija tal-aċċidenti graw f’intrapriżi li jħaddmu bejn 50 u 249 ħaddiem.

Dawn il-figuri kif imħabbra mill-NSO huma indikazzjoni tal-ħtieġa li r-regolamenti għal ħarsien tas-saħħa u sigurta’ tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol mhux biss ikunu osservati bir-reqqa imma wkoll infurzati skont il-liġi.

Ekonomija

Sport