Wednesday, December 25, 2024

Jiżdiedu l-impjiegi f’Awwissu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Awwissu 2022, l-impjiegi full time żdiedu b’6.2% filwaqt li dawk li kellhom impjieg part time bħala x-xogħol primarju tagħhom żdiedu b’5.9% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-għadd ta’ ħaddiema (esklużi l-part-timers) żdiedu b’6% għal 256,063. Dan jirriżulta mil-fatt illi l-għadd ta’ persuni li sabu mpjieg fl-istess perjodu żdied b’14,956, filwaqt li naqsu dawk li kienu rreġistrati bħala li ma kellhomx impjieg.

Din iż-żieda kienet attribwita l-iktar għas-settur tal-akkomodazzjoni u l-ikel, meta mqabbel ma’ Awwissu tas-sena 2021. Dawn iċ-ċifri juru li l-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’14,765 u laħqu l-203,756. L-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu b’191 persuna għal 51,385.

L-istess ċifri juru li dawn żdiedu fis-setturi kollha tax-xogħol, inkluż dawk b’xogħol part time l-aktar f’attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi.

Nies li huma impjegati full-time u li jagħmlu ukoll xogħol part-time żdiedu bi kważi 11% u għalhekk intlaħqet il-figura ta’ 38,541. Fl-istess waqt, dawk il-persuni li x-xogħol part-time tagħhom huwa meqjus bħala l-impjieg ewlieni tela’ għal 35,844 li turi żieda ta’ 5.9% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet.

Ekonomija

Sport