Friday, December 13, 2024

Jiżdiedu l-passiġġieri li ġew pajjiżna bil-cruise liners

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

… iżda għadna ‘l bogħod milli nilħqu l-livelli ta’ qabel il-pandemija

Matul is-sena li għaddiet, it-total ta’ passiġġieri li ġew Malta bil-cruise liners kien dak ta’ 141,917, li minnhom 87.1% waslu minn stati membri tal-Unjoni Ewropea. Dan jirrappreżenta żieda sinjfikati fil-passiġġieri tal-cruiseliers meta mqabbel mal-2020, għalkemm għadna ‘l bogħod milli nilħqu l-livelli ta’ qabel il-pandemija. Fil-fatt, fis-sena 2020 kienu ġew f’pajjiżna 59,018-il passiġġier mentri fl-2019 kienu ġew xejn inqas minn 765,696 passiġġier.

Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li turi wkoll kif il-maġġoranza tal-passiġġieri li waslu Malta bil-cruise liners is-sena li għaddiet kienu nisa (74,000 jew 52.1% tat-total). L-akbar għadd ta’ passiġġieri kellhom bejn 40 u 59 sena segwiti minn dawk li għandhom bejn 60 u 79 sena.

L-istastistika turi li fl-2021 daħlu f’pajjiżna 106 cruise liners, b’medja ta’ 1,339 passiġġier fuq kull bastiment. Dan ifisser żieda meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, fejn daħlu 32 cruise liner, b’medja ta’ 1,844 passiġġier għal kull bastiment. 

Sadanittant, l-istatistika turi wkoll kif bejn Ottubru u Diċembru 2021, ġew f’pajjiżna 44,994 passiġġier bil-cruise liners. F’dan il-kwart daħlu f’pajjiżna 34 cruise liner, u l-akbar suq kien l-Italja b’13,586 passiġġier jew 30.2% tat-total ta’ passiġġieri. F’dan il-perjodu, l-ammont ta’ passiġġiera tal-cruise liners ġejjin minn pajjiżi terzi kien ta’ 7,984. 

Il-passiġġiera nisa kienu jammontaw għal 23,771. Dan filwaqt li l-akbar ammont ta’ passiġġieri li waslu f’pajjiżna bil-cruise liners fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet kellhom bejn 60 u 79 sena. 

Ekonomija

Sport