Monday, December 23, 2024

Jiżdiedu l-protesti fiċ-Ċina minħabba l-Covid wara n-nirien f’Urumqi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-protesti kontra r-restrizzjonijiet tal-Covid fiċ-Ċina jidhru li intensifikaw wara li nirien qatlu 10 persuni fi blokka ta’ appartamenti f’Urumqi.

Fil-belt ta’ Shanghai, filmati mtella’ fuq il-mezzi soċjali wrew eluf ta’ nies li niżlu fit-toroq biex ifakkru l-vittmi u fl-istess ħin jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet. 

Mijiet ta’ persuni nstemgħu jitolbu għar-riżenja tal-Presidet Xi Jinping. Għalkemm ħafna kienu dawk li lmentaw li l-lockdown kien il-kawża prinċipali li wassal għan-nirien, l-awtoritajiet Ċiniżi ċaħdu dan. 

Mill-banda l-oħra, l-awtoritajiet tal-Urumqi ħarġu apoloġija mhux tas-soltu matul il-jum tal-Ġimgħa fejn wegħdu li jikkastigaw lil kull min naqas minn dmiru. 

Il-ġemgħa li nġabret f’Shanghai xegħlu xemgħat u poġġew ukoll fjuri b’rispett lejn il-vittmi. Oħrajn instemgħu jgħidu “Xi Jinping, warrab… Partit Komunista, warrab”. 

Talbiet bħal dawn huma rari fiċ-Ċina hekk kif kwalunkwe kritika diretta fil-konfront tal-Gvern u l-President jistgħu jsarrfu f’pieni ħorox. Sadanittant, xi wħud mill-persuni li kienu fuq il-post biex jipprotestaw allegaw li sfaw imsawta mill-pulizija.

Ekonomija

Sport