Wednesday, April 24, 2024

Joe Biden iħeġġeġ biex jinħarġu akkużi fil-konfront ta’ Pulizija … b’rabta mal-każi ta’ Jacob Blake u Breonna Taylor

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kandidat Demokratiku għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti tal-Amerika, Joe Biden, ħeġġeġ biex jinħarġu l-akkużi fil-konfront tal-pulizija li sparaw fuq żewġ Amerikani ta’ ġilda skura: Jacob Blake u Breonna Taylor. 

Meta kien qiegħed jitkellem ġewwa Delaware, Biden ma speċifikax x’akkużi għandhom jitressqu fil-konfront tal-pulizija involuti. Dawn iż-żewġ każi wasslu għal protesti kbir madwar il-pajjiż kollu. 

Fil-preżent, skont sondaġġi li saru, Biden qiegħed igawdi vantaġġ żgħir fuq il-President Donald Trump għall-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Novembru li ġej. 

Blake, li għandu 29 sena, kien intlaqat minn seba’ tiri ta’ arma tan-nar f’dahru f’każ li żvolġa ġewwa Kenosha, Wisconsin fit-23 ta’ Awwissu li għadda. Blake spiċċa pparalizzat. S’issa ma ttieħed l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ uffiċjali involuti u dan hekk kif għadha għaddejja l-investigazzjoni mid-dipartiment tal-ġustizzja tal-Istati Uniti. 

Il-każ ta’ Taylor, li kellha 26 sena, kien seħħ fit-13 ta’ Marzu li għadda. Dakinhar hija kienet inqatlet b’tiri t’arma tan-nar waqt rejd relatat ma’ droga li kien sar fid-dar tagħha f’Louisville, Kentucky. 

Biden semma wkoll lir-raġel armat, identifikat mill-midja Amerikana bħala estremist xellugi, li qatel lil attivist ta’ Trump fit-toroq ta’ Portland Oregon il-ġimgħa li għaddiet. 

F’dan il-każ Biden naqas milli jgħid li għandhom jinħarġu akkużi kontrih iżda qal li “l-awtoritajiet għandhom jinvestigaw u jagħmlu dak li hemm bżonn isir.” 

Biden mistenni jżur Kenosha, fejn skontu hu se jkun qiegħed jgħin biex “ifejjaq” lil din il-belt wara jiem ta’ dimostrazzjonijiet vjolenti. Biden qal li huwa “rċieva numru kbir ta’ talbiet” biex iżur din il-belt filwaqt li qal li se jkun qiegħed jiltaqa’ ma’ missier Blake u membri tal-familja tiegħu. 

Sport