Il-President Ameirkan Joe Biden sejjaħ liċ-ċittadini Amerikani kollha li għadhom ġewwa l-Ukrajna biex jitilqu minn dan il-pajjiż immedjatament. Dan hekk kif it-theddida min-naħa tar-Russja qiegħda kulma jmur tiżdied.
Biden għamilha ċara li huwa mhux se jkun qiegħed jibgħat truppi biex isalvaw liċ-ċittadini Amerikani jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna. Huwa wissa li s-sitwazzjoni f’dan ir-reġjun tista’ titlef il-kontroll f’ħin qasir.
Ir-Russja repetutament ċaħdet li għandha pjanijiet li tinvadi lill-Ukrajna u dan minkejja li hija stazzjonat 100,000 suldat qrib il-fruntiera Ukrena. Fl-aħħar sigħat, ir-Russja bdiet taħriġ militari kbir mal-Belarus filwaqt li l-Ukrajna akkużat lir-Russja li qiegħda tagħlaq l-aċċess tagħha għall-baħar. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kremlin qal li huwa jrid jinforza “linji ħomor” biex jiżgura li l-Ukrajna – li kienet tifforma parti mill-Unjoni Sovjetika – ma tisseħibx fin-NATO.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Britanniku Bors Johnson qal li l-Ewropa qiegħda tiffaċċja l-ikbar kriżi ta’ sigurtà ta’ dawn l-aħħar deċenji.
Aqra iktar: Għaliex dik il-mejda kbira fil-laqgħa bejn Macron u Putin?