Friday, December 13, 2024

Joe Biden jemmen li Putin “se jidħol” fl-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li huwa jaħseb li l-President Russu Vladimir Putin “se jidħol fl-Ukrajna” iżda “ma jridx gwerra”. Meta kien qiegħed jitkellem f’konferenza tal-aħ­barijiet Biden qal li Putin se jħallas “prezz serju ħafna” jekk jinvadi, iżda indika li jekk ikun hemm inkursjoni minuri dan se jkun trattat differenti.  Immedjatament wara l-konferenza, il-White House ċċarat li kull mossa militari min-naħa tar-Russja se ssib ma’ wiċċha rispons qawwi mill-Punent.

Il-kumment ta’ Biden xejn ma niżel tajjeb fost il-pajjiżi tan-Nato hekk kif dan ħareġ biċ-ċar id-differenzi fl-opinjonijiet li hemm f’din l-alleganza militari, u dan fi żmien meta din trid turi unità. Ħafna kienu dawk li interpretaw dak li qal Biden bħala li n-Nato għandha fehma waħda f’każ li jkun hemm invażjoni u mhux jekk ikun hemm intervent militari meqjus żgħir. 

Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif ir-Russja għandha xejn inqas minn 100,000 suldat skjerat qrib il-fruntiera qrib l-Ukrajna, iżda Moska qiegħda dejjem tinsisti li mhix qiegħda tippjana invażjoni. 

Min-naħa tiegħu l-President Russu għamel numru ta’ talbiet lill-Punent, fejn insista li l-Ukrajna m’għandha qatt titħalla tissieħeb fin-Nato filwaqt li din l-alleanza għandha tabbanduna kull attività militari fil-Lvant tal-Ewropa – talbiet li huma diffiċli li jintlaqgħu. S’issa d-diskussjonijiet bejn il-Punent u r-Russja naqsu milli jwasslu għal riżultati tanġibbli, b’ħafna jsostnu li t-talbiet li qiegħda tagħmel ir-Russja qed ixekklu milli jkun hemm progress. Illum, is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken mistenni li jiltaqa’ mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu ġewwa Ġinevra.  

Fid-dawl ta’ dak kollu li qiegħed iseħħ, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal quddiem il-Parlament Ewropew li huwa importanti li l-Ewropa jkollha diskussjonijiet diretti ma’ Moska u mhux tistrieħ fuq l-Istati Uniti.

Ekonomija

Sport