Wednesday, April 24, 2024

“Se noqogħdu b’seba’ għajnejn biex ma jsirux abbużi”

Aqra wkoll

Mariella Dimech, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis 

Mariella Dimech, li ftit tal-jiem ilu nħatret bħala l-ewwel Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, tkellmet ma’ Talk.mt dwar x’inhuma l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Awtorità fejn sostniet ukoll li se toqgħod b’seba’ għajnejn sabiex ma jkunx hemm abbużi. Dan filwaqt li ddikjarat li se jkun qed isir ittestjar kontinwu ta’ dawn is-sustanzi. 

Is-Sinjura Dimech, li ilha taħdem fil-qasam tal-psikoterapija għal dawn l-aħħar 21 sena tant li kellha sehem attiv fil-Caritas, bdiet billi qalet li dan hu l-qasam tagħha hekk kif bħala persuna tħobb tgħin ħafna lil dawk li jinsabu fil-bżonn. Fil-fatt, tul il-karriera tagħha, Dimech rat nies li għandhom problemi ta’ drogi u alkoħol u dejjem rat kif għamlet sabiex flimkien ma’ professjonisti oħra toħloq programmi u terapiji għall-ġid tagħhom. 

Għal sitt snin, hija mexxiet il-Komunità Terapewtika ta’ San Blas. Kienet katalista sabiex ġie introdott għall-ewwel darba l-kunċett ta’ trattament residenzjali għal persuni li jkunu vittmi tad-droga u kienet parti integrali tal-ħidma li bis-saħħa tagħha nħolqu l-istrutturi, is-sistemi ta’ ħidma u l-ħolqien ta’ gruppi kliniċi kollha ta’ San Blas u l-programmi u s-servizzi ‘Tama Ġdida’.

“Nemmen li dawn il-programmi għamlu ħafna ġid u nqisha bħala esperjenza ferm sabiħa. Irnexxieli noħloq familja ta’ nies li sfortunatament mhux dejjem jafu x’inhi u b’hekk irnexxielna ntaffulhom xi ftit mit-tbatija u l-ħajja iebsa li għaddew minnha,” qalet Dimech. 

Fir-rigward tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, hija spjegat li l-ewwel u qabel kollox din se tkun maqsuma fi tliet partijiet partikolari li jaraw li kollox ikun qed jimxi skont il-liġi u fuq kollox ikun hemm użu responsabbli ta’ din is-sustanza.

“L-ewwel u qabel kollox se jkun hemm liċenzjar, monitoraġġ u ttestjar ta’ kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-kannabis. Minkejja kollox se nkunu qed nagħfsu ħafna fuq edukazzjoni u komunikazzjoni mal-pubbliku partikolarment fost iż-żgħażagħ dwar l-effetti ta’ din is-sustanza. Ma rridux ninsew ir-riċerka li se tibqa’ għaddejja u nirrelataw dak li jkun qed isir kemm fuq livell lokali kif ukoll dak internazzjonali. Finalment ma nistgħux ninsew ukoll il-lat amministrattiv permezz tas-sistema teknoloġika fejn se nkunu qed nirreġistraw dak li qed iseħħ f’dan il-qasam.”

L-Awtorità dwar l-użu Responsabbli tal-Kannabis se jkollha diversi funzjonijiet importanti. Waħda minnhom hi li taġixxi ta’ regolatur għal kull assoċjazzjoni li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri adulti tagħha.

L-Awtorità għandha l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b’referenza għall-età u b’kontenut xieraq.

Kif wieħed jista’ jara, ix-xogħol u hu kumpless ħafna u fuq kollox din il-kariga ġġorr responsabbiltajiet kbar, xi ħaġa li Dimech lesta li twettaq anke għax tħossha ferm għal qalbha f’dan ir-rwol. 

Iżda Dimech kemm taħseb li hi kbira l-problema tad-droga?

“Hawn diversi tipi ta’ droga li b’xorti ħażina n-nies jagħmlu użu minnha. Ħafna drabi l-ewwel jibdew bl-alkoħol imbagħad iduru għad-droga li proprjament tkun il-kannabis. Inutli ninħbew wara subgħajna għax verament jeżistu riskji u realtajiet partikolari għalkemm se nkunu qed nagħfsu ħafna fuq l-edukazzjoni u nkunu miftuħa għan-nies. L-għan tagħna hu dejjem li tonqos id-dipendenza fuq id-droga u se nagħmlu minn kollox sabiex il-komunikazzjoni mal-pubbliku tkun waħda kontinwa.”

“F’dan l-istadju hu importanti li nkomplu ngħinu lil dawk in-nies li huma vulnerabbli sabiex ma jaqgħux għal dawn it-tip ta’ vizzji. Il-komunikazzjoni u d-djalogu hi importanti għax dawn ikunu nies li batew ħafna tul ħajjithom u ftit sabu mħabba reali.”

Hi ssostni li m’hemmx differenza partikolari bejn il-kannabis rikreazzjonali u dik mediċinali. Filwaqt li din tal-aħħar tkun preskritta mit-tabib għall-kura tas-saħħa, dik rikreazzjonali taf tkun ftit irħas filwaqt li tintuża mill-individwu stess. Fl-istess waqt, wieħed irid jara ukoll il-livell ta’ PHC li fiha l-istess kannabis. 

Dimech se tkun qed tara li jinħolqu l-istrutturi kollha meħtieġa, inklużi dawk marbuta ma’ sistemi operazzjonali u regolamentazzjoni, sabiex l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tilqa’ l-ewwel talbiet għal reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet fi żmien qasir.

Sadanittant l-għidut tan-nies hemm barra hi li din is-sustanza taf toħloq problemi psikoloġiċi kbar. Skont Dimech, din l-ipoteżi hi reali għax kif tgħid hi, ir-riċerka ma tigdibx. Madankollu mhux kull persuna hi l-istess. Hemm min ipejjep ammont partikolari ta’ kannabis u jiġi affettwat filwaqt li oħrajn ma ġralhom xejn.

Finalment tlabna lil Dr Mariella Dimech sabiex tgħaddi messaġġ dwar is-sbuħija tal-ħajja u fuq kollox sabiex in-nies jibqgħu ‘l bogħod minn dawk is-sustanzi li jagħmlulhom il-ħsara.

“Nemmen li jekk persuna tfittex relazzjonijiet pożittivi, ħafna mħabba u tieħu deċiżjonijiet tajbin, kapaċi toqgħod ‘il bogħod minn dawn is-sustanzi. Aħna ngħinu lill-bniedem sabiex jibni l-personalita’ filwaqt li jħares lejn l-affarijiet pożittivi li taf toffri l-ħajja.”

“Nemmen ħafna f’relazzjonijiet pożittivi, li tipprattika xi sport, tieħu ikel tajjeb għas-saħħa u fuq kollox tfittex modi sabiex tegħleb ċerti tentazzjonijiet. Dawn kollha huma affarijiet dejjem għedt lin-nies li ħdimt magħhom. Dawn il-fatturi huma kollha ċ-ċavetta għal kuntentizza,” temmet tgħid is-Sinjura Dimech. 

Il-Bord tal-Awtorità, apparti li se jitmexxa mis-Sinjura Dimech, se jkun magħmul minn Dr Janice Formosa Pace, Deputat Chairperson u l-membri Nadine Brincat, Sina Bugeja, Dr Marius Caruana, Dr Charles Cassar, Dr Gabriel Farrugia, Dr Paul Micallef u Charles Scerri.

Sport