Thursday, October 10, 2024

L-ETÀ TAL-BDIEWA MHIX SOSTENIBBLI GĦALL-FUTUR

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Forsi ‘l-aħħar bidwi f’Wied il-Għasel’ kienet fost l-ewwel indikazzjonijiet li l-bidwi Malti kulma jmur qed jikber u jixjieħ, u li pajjiżna jeħtieġ aktar attenzjoni fuq ix-xogħol tar-raba u t-trobbija tal-annimali.  Stħarriġ mniedi mill-Unjoni Ewropea, juri li fl-UE għal kull bidwi taħt l-erbgħin sena hemm tlieta oħra ta’ ‘l fuq minn ħamsa u sittin sena. Dan juri bic-ċar li s-settur tal-biedja u x-xogħol fl-agrikultura qed jiffaċċja sfidi kbar fil-ġejjieni qarib. U jekk din il-problema mhux ser tiġi ndirizzata kif jixraq, se jkollna nħabbtu wiċċna ma’ problemi aktar serji, bħal nuqqas ta’ ħxejjex friski u lokali kif ukoll żieda fil-prezzijiet tal-ikel.

Sa’ ftit tas-snin ilu, is-sengħa tal-bidwi kienet tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra permezz tal-missier u n-nanniet li kienu jrawwmu lil uliedhom minn ċkunithom u dan il-mestier kien jibqa’ jintiret flimkien mar-raba awtomatikament. Illum il-ġurnata ftit għadek issib ulied li jieħdu dan ix-xogħol wara missirijiethom, b’ħafna miż-żagħżagħ li tilgħin illum ifittxu xogħol alternattiv li forsi hu inqas impenjattiv u b’inqas tbatija. Is-sengħa agrarja mhix waħda faċli speċjalment għal dawk li jridu jibdew kollox mill-bidu; il-kapital li wieħed irid hu pjuttost kbir u hemm ħafna fatturi li meta wieħed ikollu nuqqas ta’ esperjenza, ikollu bżonn sostenn dirett li jista’ jingħata kemm minn għand il-Gvern, jew mill-Unjoni Ewropea.

Il-Politika Agrarja Komuni (PAK), li hija politika mnedija mill-Unjoni Ewropea biex tissalvagwardja u tgħin lill-bidwi fil-pajjiżi membri, qed tilqa’ din l-isfida u tindirizza l-problemi biex kemm jista’ jkun tattira żgħażagħ biex jidħlu jaħdmu fil-qasam agrarju. Il-PAK li ilha fis-seħħ mill-1962, dejjem evolviet sabiex tassisti lill-bdiewa Ewropej billi tnaqqas l-ispejjeż u tgħin fl-iżviluppar tal-agrikoltura u l-oqsma tagħha fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Tul is-snin, bosta benefiċċji ġew implimentati u ħafna bdiewa kienu ssussidjati direttament, kemm għall-espansjoni u t-tkabbir fil-qasam tagħhom kif ukoll permezz ta’ kumpens għall-ħsarat li ġarrbu minħabba temp estrem u żvilupp rurali. Il-politika Ewropea hi wkoll immirata sabiex tgħin żgħażagħ li jixtiequ jibdew l-esperjenza tagħhom f’dan il-kamp imma m’għandhomx ir-riżorsi meħtieġa, bħal fondi tal-bidu għal investiment.

Għalkemm il-PAK tħalli impatt pożittiv, dan mhux biżejjed biex numru sostanzjali ta’ bdiewa, li għadhom żgħar fl-età, ikunu attirati biex jibdew l-intrapriżi tagħhom fil-biedja. Dan għax ir-riżorsi li jiġu offruta huma limitati lejn individwi b’ċertu rekwiżiti u l-isfidi li l-bdiewa ġodda jiltaqgħu magħhom huma ferm ikbar minn dan. Kull pajjiż għandu l-isfidi tiegħu u Malta wkoll għandha sfidi kemmxejn iebsin. Fost l-isfidi nistgħu naraw li l-art hi waħda limitata u l-iżvilupp rurali ta’ dawn l-aħħar snin poġġa lill-bdiewa f’qaghda kritika li jitilfu ħobżhom. Ħafna bdiewa f’Malta għandhom l-għelieqi maħdumin bil-qbiela u għal bosta snin il-bidwi kellu serħan il-moħħ li d-dħul tiegħu hu garantit għal għejxien kif ukoll għall-investiment tal-ġejjieni. Però fiż-żminijiet tal-lum qed naraw bdiewa li jkollhom jabbandunaw l-art li ħadmu għal bosta snin minħabba diversi sfidi, fosthom kompetizzjoni minn prodotti importati u l-ispejjez relatati mal-kirja tal-art, peress li f’ċertu sitwazzjonijiet din għoliet b’mod konsiderevoli flimkien ma’ spejjeż oħra.

Fid-dawl ta’ din il-krizi, il-Gvern impenja ruħu sabiex isib soluzzjoni aħħarija permezz ta’ tfassil ta’ liġi ġdida tal-qbiela, illi filwaqt li tagħmel ġustizzja kemm mal-bidwi u mas-sidien tal-għelieqi, tagħti l-attenzjoni neċessarja lill-art agrikola.  F’Diċembru li għadda, il-Ministru Anton Refalo kkonferma li din il-liġi li se tkun imħabbra dalwaqt ser tkun qed tħares l-interess kollu tal-bidwi għaliex il-liġi preżenti mhix daqshekk soda. Kwistjoni taħraq li ilha bosta snin, se tkun solvuta minn Gvern Laburista; il-bdiewa reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura li bħalissa qed jiffaċċjaw problemi ma’ sidien tal-art fuq qbiela, qed jiġu offruti għajnuna mill-Ministeru tal-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali. L-AgriConnect fi ħdan il-Ministeru qed toffri għajnuna teknika u legali bla ħlas bil-għan li l-bidwi jkollu gwida ċara u jtaffi mill-piż finanzjarju li dawn il-kwistjonijiet iġibu magħhom. Kuntatt ma’ AgriConnect jista’ jsir bit-telefon fuq in-numri 21804981/2/4 jew permezz ta’ email fl-indirizz [email protected].

Il-Gvern għandu wkoll strateġija politika ta’ 10 snin fis-seħħ (2018-2028) li permezz tagħha, jagħti direzzjoni ċara ta’ fejn il-pajjiż irid jimxi rigward dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ politika agrarja.  F’din l-istess politika, il-Gvern qiegħed jgħin kompetituri ġodda li għadhom kif ħadu l-istħarriġ fl-agrikoltura permezz ta’ korsijiet imnegħdin mill-istess amministrazzjoni governattiva u jixtiequ jiffukaw f’investiment agrarju, b’mod speċjali għal dawk li l-età tagħhom hi inqas minn 41 sena. Il-Gvern qed ikompli jaħdem sabiex ngħarrfu d-djugħfijiet kif ukoll l-opportunitajiet u l-isfidi tal-qagħda agrarja ta’ Malta sabiex insibu soluzzjonijiet li jiffavorixxu lill-bidwi u lir-raħħal Malti, u l-kontinwità tas-settur tant importanti għal pajjiżna.

Nuqqas ta’ xogħol fir-raba jfisser nuqqas ta’ prodotti friski u aktar importazzjoni li jirriżulta f’żieda fil-prezzijiet. Aktar traġit ta’ merkanzija jsarraf f’aktar tniġġis tal-arja u nuqqas ta’ prodott lokali, li mal-ħin jista’ jfisser għejbien ta’ identità Maltija. Dan ifisser ukoll nuqqas ta’ kultivazzjoni tal-art, u tal-pajsaġġ naturali li hu msaħħaħ direttament mill-investiment tal-bidwi li jagħmel manutenzjoni kontinwa tal-art rurali, fosthom il-bini tal-ħitan tas-sejjieħ. Il-problemi li jiffaċċja ta’ kuljum il-produttur lokali huma kbar u xi kultant, nies li ma jkollhomx impatt dirett fihom, forsi ma jintebħux b’dawn ir-realtajiet. Madankollu, bħala ċittadini fuq gżira,  kulħadd għandu jkun jaf li nuqqas ta’ bdiewa u raħħala se twassal għal problemi pjuttost akbar li ser inħallasu prezz għoli aħna lkoll.

Aħna nistgħu ngħinu lill-bidwi Malti billi nixtru lokali u nixtru frisk. Ejjew ma nħallux is-sengħa agrarja tgħib. 

Sport