Sunday, December 22, 2024

JOE BIDEN U L-PAĊI

Aqra wkoll

Il-Milied hu magħna u aspett li joħroġ minn din il-festa hu li nilħqu l-Paċi bejnitna.  Meta ngħid bejnitna jinkludi wkoll bejn il-pajjiżi.  Dan hu aspett importanti speċjalment illum li erġajna dħalna fi gwerra bierda akbar minn ta’ qabel.

Meta Joe Biden laħaq President tal-Amerka, id-dinja ħadet ir-ruħ għaliex kulħadd stenna li t-tensjonijiet jonqsu.  Imma mal-ewwel ta sinjal li filwaqt li hu progressiv meta jiġi l-qasam soċjali, għalkemm anki hemm illum qed jinqalgħu dubji, meta jaħdem fis-settur internazzjonali, hu bniedem konservattiv daqs Trump.  Fil-qasam internazzjonali l-unika interess li għandu hu li l-Istati Uniti biss tibqa’ tiddomina d-dinja.  

Għal min għandu ftit memorja mal-ewwel jiftakar li meta kien viċi-President fi żmien il-President Obama ma tniffisx meta l-Istati Uniti bdiet tispjuna fuq il-mexxejja Ewropej għaliex lanqas lil dawn ma kienet tafda.  Kulħadd jiftakar li l-Istati Uniti kienet iħħekjat it-telefons tal-mexxejja Ewropej kollha.

L-ewwel sinjali ta’ dan il-konservattiżmu dehru meta inqala’ l-ġlied bejn l-Iżrael u l-Palestinjani.  Għalkemm pubblikament kien qed jitkellem biex jieqaf il-ġlied xorta waħda ma żammx l-armi jew is-sussidju li kien qed jagħti lill-Iżrael.  Fil-fatt hemm bdiet il-pressjoni fuqu minn partitarji Demokratiċi progressivi biex iżomm bilanċ u jibda jirrispetta l-Palestinjani.  Il-pożizzjoni tiegħu hi minħabba li l-Iżrael hu s-suldat li għandha l-Istati Uniti fil-Lvant Nofsani – suldat li ma jiddejjaq minn xejn meta l-interessi tiegħu jew tal-Istati Uniti ikunu mhedda.

It-tieni sinjal kien meta kien hemm l-ewwel laqgħa tal-G7 minn meta laħaq President.  L-għan tiegħu kien li jerġa’ juri li l-Istati Uniti riedet terġa’ tmexxi lin-NATO wara snin ta’ abbandun min-naħa ta’ Trump.  L-għan tiegħu kien li l-pajjiżi tal-Punent jimxu mad-direzzjoni tiegħu biex jeħoda kontra r-Russja u ċ-Cina.  L-għan tiegħu laħqu għaliex il-pajjiżi tan-NATO ħadu r-ruħ b’din il-mossa u b’dan reġgħu taw lill-Istati Uniti l-forza fl-Ewropa u permezz tan-NATO tista’ tiddetta lill-UE.  

Fil-fatt dak iż-żmien reġgħet telgħet fil-wiċċ l-issue jekk l-UE għandhiex ikollha forza militari tagħha biex tmexxi hi, u mhux in-NATO, l-politika barranija tagħha – issue li għadha sejra sal-lum minn wara l-kwinti u li ftit hemm ċans li tirnexxi minħabba li permezz tal-pajjiżi Ewropej fin-NATO, in-NATO llum tiddetta l-pożizzjoni tal-UE, inkluża Malta, f’dan il-qasam.  Dan narawhom mis-sanzjonijiet fejn kull meta l-Istati Uniti tagħmel xi sanzjonijiet, l-UE tlaqqa’ l-Ministri biex japprovaw ukoll dawn is-sanzjonijiet. L-influwenza tan-NATO fuq l-UE ħarġet fil-beraħ dan l-aħħar meta wara li ltaqgħu l-Ministri tad-Difiża tal-UE biex jieħdu pożizzjoni kontra l-Belarus u r-Russja, fl-ikla ta’ filgħaxija kien mistiden is-Segretarju tan-NATO biex jagħtihom il-barka tiegħu. 

Biden ma raqadx biex jilħaq l-għan aħħari tiegħu għaliex malli laħaq President bdew isiru manuvri militari fil-pajjiżi kollha li huma mal-fruntiera tar-Russja.  Ir-Renju Unit ma qagħditx lura u mal-ewwel ħolqot tensjoni fil-Baltiku meta bagħtet vapur tan-Navy Ingliża jidħol f’baħar li hu kkontestat.

Biss Biden ittenda li l-politika tiegħu mhux ser tilħaq l-għan prinċipali tagħha li jwaqqa’ lura liċ-Ċina biex l-Istati Uniti tibqa’ tiddomina l-ekonomija tad-dinja.  Kien għalhekk li f’daqqa reġa’ dawwar il-politika tiegħu u adatta l-politika ta’ Trump – politika li ma jaqlax kwistjonijiet mar-Russja biex jiffoka fuq iċ-Ċina.  Ir-raġuni hi li llum hi ċ-Ċina u mhux ir-Russja li qed tikkompeti bil-kbir lill-Istati Uniti fl-ekonomija dinjija.

Fil-fatt għalhekk f’daqqa Biden naqqas it-tensjoni mar-Russja u li qed jiffoka biex inaqqas l-armi nukleari bejniethom biex ir-Russja ma jibqaliex il-potenzjal li ġġib lill-Istati Uniti dahra mal-ħajt billi thedded b’dawn l-armi.  Għalhekk ukoll qed tnaqqas it-tensjoni mar-Russja fl-Ukraina.  Dan qed tagħmlu billi l-wegħda li kienet saret lill-Ukraina li ser tiġi aċċettata fin-NATO mhux ser titwettaq.  B’hekk iżżomm lir-Russja għallanqas newtrali fil-gwerra bierda li hemm bħalissa maċ-Ċina.  

Hi ħasra li meta spiċċat l-Unjoni Sovjetika, il-Punent kellu okkażjoni biex ir-Russja ma tibqax tiġi meqjusa bħala għadu u din l-okkażjoni ma ħadhiex.  

Hi ħasra akbar għaliex il-Milied hu l-aktar iċċelebrat fil-Punent u kull sena din l-okkażjoni tipprova twassal il-messaġġ tal-Paċi.  Iżda l-interess li l-Punent jibqa’ jżomm id-dominanza tad-dinja, bħal fiż-żmien kolonjali, baqa’ jiddomina u illum il-kelma Paċi tgħod biss għall-ġimgħa tal-Milied għax mill-għada stess nerġgħu nħaddmu rasna biex din id-dominanza li ġġib il-poter tibqa’ għaddejja.  

Ekonomija

Sport