Dak li seħħ dalgħodu f’diversi bajjiet hu fejn il-mewġ tal-baħar beda jilgħab ‘il fuq (mili) u ‘l isfel (frugħ) f’għoli ta’ madwar metru u nofs, għal perjodu ta’ ħin, minħabba bidla drastika li seħħet fil-pressjoni atmosferika fuq żewġ punti (node vs anti-node) qrib xulxin fil-baħar stess.
Dan il-fenomenu li ġieli jissejjaħ ukoll tsunami atmosferiku jew storm surge meta jkollok riħ li qed jonfoħ b’mod kostanti mill-istess direzzjoni, mhuwiex daqstant rari u jista’ jseħħ kemm fil-bnazzi kif ukoll fil-maltemp, fis-sajf u anke fix-xitwa (jew staġuni oħra).
Dan il-fenomenu komuni ħafna wkoll fil-portijiet tal-Imsida, tax-Xemxija, l-Għadira, Marsaskala u ta’ Birżebbuġa, minħabba li huma portijiet/xtajtiet magħluqa.
Intant dan il-fenomenu jirritorna għan-normal fi ftit sigħat.