L-eks Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson xehed fl-inkjesta b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 fil-pajjiż bil-għan li joħorġu tagħlimiet f’każ ta’ sitwazzjonijiet simili fil-futur. L-inkjesta hija pjanata li fuq jumejn, l-eks Prim Ministru jwieġeb għad-deċiżjonijiet li ħa bħalma kienu tliet lockdowns.
Filwaqt li qal li jħossu verament iddispjaċut għall-uġigħ u s-sofferenza ta’ dawk li tilfu l-għeżież tagħhom, uħud mill-pubbliku kellhom jitkeċċew mis-smigħ minħabba l-atteġġjament tagħhom fl-awla. Wieħed mill-protestanti saħansitra deher ixejjer kartellun bil-kitba “Il-mejtin mhumiex se jisimgħu l-apoloġiji tiegħek”.
Johnson kompla biex jgħid li jittama li l-inkjesta tkun tista’ tagħti t-tweġibiet għal mistoqsijiet li dawn il-vittmi u l-familji tagħhom kellhom dritt jistaqsu għal daqstant żmien issa li ġiet ikkontrollata s-sitwazzjoni tal-virus.
Waqt is-seduta nstema’ kif il-gvern Ingliż kien issotovaluta l-isfidi marbuta mal-Covid meta qal li l-ogħla livelli kienu se jiġu reġistrati f’Mejju jew f’Ġunju, liema preżunzjonijiet kienu totalment żbaljati. Johnson qal li fil-bidu ta’ Marzu, ċifri li kellu f’idejh il-gvern ma kinux juru kemm fil-verità kienet se tinfirex malajr il-pandemija fir-Renju Unit. Fl-istess waqt huwa ma tefax il-ħtija fuq ix-xjenzati.
L-eks Prim Ministru ċaħad ukoll li kien mar għal btala fi Frar tal-2020 kif allegat minn Dominic Cummings. Huwa ħa r-responsabbiltà sħiħa tad-deċiżjonijiet li kien ħa f’dan il-perjodu u qal li ma setax jgħid jekk iħossx li kellu jmur qabel għall-ewwel lockdown.
Fejn jidħlu c-chats tal-WhatsApp, Johnson ċaħad li b’xi mod huwa kien intenzjonalment ħassar xi messaġġi u qal li għalkemm kien hemm madwar 5,000 messaġġ bejn Jannar u Ġunju tal-2020 neqsin, dan kien biss minħabba aġġornamenti tal-app.