Wednesday, July 24, 2024

Fl-2022, 3,100 persuna fittxew l-għajnuna minħabba vjolenza domestika

Aqra wkoll

Fl-2022, 3,100 persuna li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika għamlu użu mis-servizzi disponibbli fʼdan il-qasam. Minnhom, 77.2 fil-mija kienu nisa.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li meta mqabbel mal-2020, l-għadd taʼ persuni li kienu qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi taʼ għajnuna rigward il-vjolenza domestika żdied bʼ6.2 fil-mija: minn 2,919 għal 3,100.

Fl-2022, 70.1 fil-mija tal-persuni li kienu qegħdin jużaw servizzi bħal dawn użaw servizz wieħed, 21.1 fil-mija użaw żewġ servizzi, u 8.7 fil-mija użaw tlieta jew aktar servizzi.

Fl-2022, bħas-snin taʼ qabel, is-servizzi ewlenin użati mill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika kienu t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika (DVU) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ (2,093 każ reġistrat) u d-Dipartiment tal-Pulizija (2,046 rapport individwali).

Ix-xelters (inkluż Dar Merħba Bik, Dar Santa Bakhita, Dar Emmaus, Għabex u Il-Milja) ittrattaw 173 każ, filwaqt li l-għaqda volontarja Victim Support Malta kellha 70 każ fis-sena taʼ referenza. Is-Servizzi tas-Saħħa tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar Ġenerali taʼ Għawdex irreġistraw 69 każ matul l-2022.

Ħarsa lejn l-għadd ta’ persuni li kienu qegħdin jużaw is-servizzi mmirati lejn l-aggressuri turi li 268 individwu użaw wieħed jew aktar servizzi fl-2022 – 245 raġel u 23 mara (91.4 fil-mija u 8.6 fil-mija rispettivament).

Matul l-2022, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole ttratta 141 każ marbut ma’ vjolenza domestika, filwaqt li l-programm ‘Stop!’ ra 100 każ – il-maġġoranza tal-każijiet ittrattati minn dawn iż-żewġ servizzi kienu jinvolvu persuni ta’ bejn it-30 u d-49 sena (64.7 fil-mija u 68.0 fil-mija rispettivament).

Il-każijiet kollha li kienu mmaniġġjati mis-servizz ‘Child to Parent Violence’ offrut mill-Aġenzija Appoġġ (31 każ) kienu taħt it-30 sena.

Ekonomija

Sport