Friday, December 13, 2024

Jonqos il-faqar fost iż-żgħażagħ

Aqra wkoll

L-introduzzjoni ta’ għadd ta’ miżuri li ħa l-Gvern li jinċentivaw ix-xogħol, bħall-in-work-benefit u t-tapering tal-benefiċċjiu wasslu biex jonqos il-faqar fost iż-żażagħ Maltin. Statistika tal-Eurostat turi li r-rata ta’ żgħażagħ meqjusa vulnerabbli f’Malta, kemm dawk li jgħixu mal-ġenituri u oħrajn li jgħixu għal rashom, hija ferm aktar baxxa meta mqabbla ma’ żgħażagħ li jgħixu f’pajjiżi oħra, membri tal-Unjoni Ewropea.

L-istatistika tal-Eurostat titfa’ dawl fuq dawk iż-żgħażagħ li għandhom intensità baxxa ta’ xogħol fis-27 stat membru tal-EU. Jirriżulta li l-persentaġġ ta’ żgħażagħ ta’ bejn is-16 u d-29 sena li jaħdmu inqas minn 8 sigħat fil-ġimgħa u li għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom huwa 8.8% tal-popolazzjoni totali tal-istati membri, waqt li dawk li jgħixu għal rashom f’dar fejn jaħdmu ftit sigħat, u allura l-intensità tax-xogħol hi baxxa, kienu 18.1%.

Dawn il-figuri jikkuntrastaw b’mod qawwi mal-persentaġġi iżgħar Maltin, b’4.8% u b’2.3% rispettivament. Dan ifisser li l-proporzjon ta’ żgħażagħ Maltin li jgħixu f’ambjent fejn l-intensità tax-xogħol hi baxxa huwa żgħir. Dan joħroġ l-aktar evidenti fost dawk iż-żgħażagħ li jgħixu għal rashom f’Malta.

Huwa sinjifikanti wkoll li l-persentaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ naqas b’mod konsiderevoli mill-2012 ’l hawn, bejn 2.6% – 6.4% skont jekk jgħixux mal-ġenituri jew le.

Statistika prominenti oħra kienet dik li tikkonċerna r-rata tal-faqar fost iż-żgħażagħ Maltin meta mqabbla ma’ dawk fl-UE. Waqt li r-rati fl-UE kienu 17.8% u 25.9% fost żgħażagħ li jgħixu mal-ġenituri jew ma jgħixux mal-ġenituri rispettivament, f’Malta dawn kienu 10.6% u 8.7%. Ir-rata ta’ dawk li jgħixu mal-ġenituri naqset bin-nofs fuq tmien snin, waqt li dik fost dawk li ma jgħixux mal-ġenituri naqset marġinalment.

Kien hemm ukoll xejra pożittiva fir-rata tal-faqar u l-esklużjoni f’Malta mqabbla ma’ dik Ewropea. Waqt li r-rati għal żgħażagħ fl-UE kienu 24.2% u 39.9%, skont jgħixux mal-ġenituri jew le, l-istess rati f’Malta kienu 13.3% u 10.1% rispettivament. Il-persentaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ niżel b’madwar 7% fiż-żewġ każijiet mill-2012.

Is-suċċess tal-iskema tal-in-work benefit, flimkien mal-espansjoni mgħaġġla fil-ħidma ekonomika, ikkontribwixxa wkoll għal tnaqqis fir-rata ta’ ċaħda materjali severa fost iż-żgħażagħ. Skont il-Eurostat, waqt li fl-UE din ir-rata ta’ ċaħda materjali fil-każ ta’ żgħażagħ li jgħixu mal-ġenituri kienet 7.4%, f’Malta kienet biss 2.3%, waqt li r-rata fost dawk li ma jgħixux mal-ġenituri kienet 7.3% fl-UE mqabbla ma’ 3.0% f’Malta. Għal darb’oħra, ir-rati f’Malta naqsu bejn 8% u 4.7% perċentwali rispettivament matul tmien snin.

Intant it-tapering tal-benefiċċji wassal biex tnaqqsu mal-10,000 ruħ mid-dipendenza soċjali.

Dwar dawn ir-riżultati pożittivi, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon irrimarka li dawn huma tassew inkoraġġanti u jirriflettu l-isforzi tal-gvern biex joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi b’mod li ż-żgħażagħ Maltin ma jbatux mil-livelli għolja ta’ qagħad li jeżistu f’pajjiżi oħra.

Ekonomija

Sport