Il-Cronic Obstructive Pulmonary Disease (COPD) hija marda li tikkawża infjammazzjoni kronika fil-pulmun li tostakola l-arja mill-pulmun. Is-sintomi jinkludu diffikultajiet biex jittieħed in-nifs, sogħla, produzzjoni ta’ mucus u tisfir fis-sider. Din il-marda tipikament hija riżultat ta’ partiċelli tat-trab jew gassijiet b’mod speċjali tipjip. Il-persuni li jbatu minn COPD huma f’riskju akbar li jkollhom problemi tal-qalb, kanċer tal-pulmun u għadd ta’ mard ieħor. L-aktar kundizzjonijiet komuni huma l-Emphysemea u bronkite kronika. Din tal-aħħar hija pjuttost komuni ħafna f’pajjiżna.
Proprju dwar is-COPD, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ta’ informazzjoni pożittiva fejn irriżulta li mill-2017 sa Frar ta’ din is-sena, l-ammont ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar isofru minnha, naqas. Fil-fatt, meta wieħed iħares lejn it-total li kellna każijiet bħal dawn fl-2017, dan kien 984. Mentri, is-sena l-oħra, it-total ta’ dawn il-pazjenti rikoverati niżel għal 904, jiġifieri 80 inqas.
L-informazzjoni mogħtija mill-Ministru Fearne dwar il-persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba mard pulmonari ostruttiv kroniku (COPD) kienet waħda ddettaljata maqsuma skont is-sitt reġjuni u tkopri mill-2017 sa Frar tal-2023.
L-aktar distrett li minnu ddaħħlu pazjenti minħabba s-COPD kien dak tal-Port fit-Tramuntana ta’ Malta b’total ta’ 330 pazjenti. Is-sena ta’ wara dan l-ammont niżel għal 300 każ. Fl-2019 irriżulta li ddaħħlu 308 persuna; fl-2020 l-ammont niżel għal 215 mentri fl-2021 kien hemm 245. Is-sena l-oħra imbagħad il-każijiet kienu 278. Dan ifisser li f’perjodu ta’ ftit aktar minn seba’ snin il-każijiet f’dan id-distrett naqsu bi 52 wieħed.
It-tieni l-aktar distrett li minnu residenti kellhom bżonn ta’ kura fl-isptar minħabba s-COPD kien dak tal-Port fin-Nofsinhar ta’ Malta. Minn dan id-distrett fl-2017 in-numru tal-persuni rikoverati kien ta’ 253 mentri fl-2022 it-total kien ta’ 235. Hawn ukoll hemm tnaqqis. Din id-darba 18-il pazjenti inqas.
L-inqas distrett li fih ir-residenti ma rriżultax li batew u ġew rikoverati fl-isptar minħabba s-COPD kien Għawdex fejn minn żewġ każijiet lura fl-2017, is-sena l-oħra ma ġie rreġistrat ebda każ. Fl-istess snin u l-istess ammonti ġew irreġistrati f’każijiet li dwarhom ma kinix magħruf mil-liema distrett kienu ġejjin.
It-Tramuntana ta’ Malta kien l-unika distrett li baqa’ bl-istess ammont ta’ każijiet fl-2017 u fl-2022. Fl-2018 l-ammont ta’ persuni li ddaħħlu l-isptar bis-COPD niżel għal 145 mentri fl-2019 l-ammont kien 182. Fl-2020 kien hemm tnaqqis b’total ta’ 110 każ mentri fl-2021 ġew iġġeristrati disa’ każijiet aktar mis-sena preċedenti.
Id-distrett tax-Xlokk kien id-distrett li rreġistra żieda żgħira fejn jirriżulta li fl-2017 minn dawn l-inħawi ddaħħlu l-isptar 128 persuna. Fl-2022 l-ammont kien ta’ 138 pazjenti.
Mentri, l-Punent ta’ Malta wkoll irreġistra tnaqqis fejn fl-2017 in-numru tal-persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba s-COPD it-total kien ta’ 112 persuna mentri fl-2022 iddaħħlu 95.
Il-Ministru Fearne, li kien qiegħed jirrispondi għal mistoqsija mid-Deputat Nazzjonalista, Albert Buttigieg, ta informazzjoni dwar l-ewwel xahrejn ta’ din is-sena fejn f’Jannar u anke fi Frar, l-aktar distrett li minnu marru persuni l-isptar bis-COPD kien minn tal-Port fin-Nofsinhar ta’ Malta b’total ta’ 37. Ix-xahar ta’ wara l-ammont minn dan id-distrett kien ta’ 27 persuna.
L-inqas disrett li minnu ġew irreġistrati pazjenti b’mard pulmonari ostruttiv kroniku, għal darb’oħra, kien dak ta’ Għawdex fejn kemm f’Jannar, kif ukoll fi Frar 2023 ma kien hemm ebda każ.