Tuesday, May 14, 2024

Jonqsu bi ftit il-kuntratti dwar proprjetà iżda jiżdied il-valur tal-bejgħ  

Aqra wkoll

In-numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ proprjetà matul ix-xahar ta’ Settembru hu stmat li jammonta għal 1,016. Dan ifisser li meta kkumparat mal-istess xahar tas-sena li għaddiet kien hemm tnaqqis ta’ 24 kuntratt. 

Skont l-istess ċifri, fl-istess xahar ġew reġistrati 972 konvenju, 16 inqas meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.

Ċifri proviżorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) ibbażati fuq ir-reġistrazzjonijiet mal-awtoritajiet tat-taxxa juru l-valur tal-kuntratti reġistrati f’Settembru li għadda fuq propjetà residenzjali kien ta’ €230.5 miljun, tnaqqis ta’ kważi 11 fil-mija jew €28 miljun fuq dak ta’ Settembru tal-2021.

Il-maġġoranza li daħlu għal dawn il-kuntratti, proprju 934 minnhom, kienu jinvolvu djar residenzjali minn individwi jew familji b’valur ta’ ftit inqas minn €190 miljun filwaqt li l-bqija kienu jinkludu kumpaniji.

L-NSO żied jgħid li bejn Lulju u Settembru ġew reġistrati 3,542 kuntratt, tnaqqis ta’ 1.5 fil-mija fuq l-istess perjodu s-sena li għaddiet. Madankollu l-valur ta’ dawn il-kuntratti kien jaqbeż it-€826 miljun għal żieda ta’ 2.4 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

L-ikbar ammont ta’ kuntratti ġew reġistrati f’Għawdex b’552 kuntratt waqt li f’Malta l-iktar reġjun li fih ġew reġistrati kuntratti, kien dak li jiġbor fih il-lokalitajiet ta’ Birkirkara, il-Gżira, l-Imsida, Ta’ Xbiex u San Ġwann b’425 kuntratt.

Fit-tielet kwart tas-sena, l-ammont ta’ konvenji kienu jammontaw għal 2,847, li jfisser tnaqqis ta’ 4.4 fil-mija.

Sport