Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, illum ta l-aħħar indirizz tiegħu lill-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, hekk kif jagħlaq kapitlu ta’ għaxar snin bħala Segretarju Ġenerali u 26 sena ta’ militanza u ħidma fi ħdan il-Union.
Fl-indirizz tiegħu lill-membri tal-Kunsill Nazzjonali, trejdjunjonisti u uffiċjali tal-GWU, Bugeja ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda mill-aktar mumenti sinifikanti fil-vjaġġ tiegħu fi ħdan il-Union, b’riflessjoni fuq id-deċiżjonijiet u l-kisbiet ewlenin li sawru kemm lill-GWU kif ukoll lis-soċjetà Maltija matul dawn l-aħħar snin.
Fid-diskors tiegħu, Bugeja enfasizza t-trasformazzjoni tal-GWU f’Union aktar moderna, organizzata u preparata għall-isfidi tal-preżent u tal-futur, permezz ta’ strutturi edukattivi aktar b’saħħithom, sistemi ġodda għall-membri, pedamenti finanzjarji aktar stabbli u investiment kontinwu fin-nies, inkluż fil-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ mexxejja.
Huwa saħaq ukoll fuq il-kontribut tal-GWU fis-soċjetà Maltija, partikolarment fir-rigward tat-tisħiħ tad-djalogu soċjali, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, żidiet annwali fil-paga minima sa mill-2017, il-ġlieda kontra l-prekarjat, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol.
Tema ċentrali fl-indirizz kienet il-battalja tal-GWU favur il-prinċipju ta’ “paga ugwali għal xogħol ugwali”, speċjalment għall-ħaddiema tal-kuntratturi li kienu jwettqu l-istess xogħol ta’ ħaddiema impjegati direttament iżda b’kundizzjonijiet inferjuri. Bugeja ddeskriva din il-ġlieda bħala waħda mill-akbar rebħiet ta’ ġustizzja soċjali tal-Union.
Huwa fakkar ukoll ir-rwol pijunier tal-GWU favur il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali, fejn il-Union kienet minn ta’ quddiem nett biex dawn il-ħaddiema jingħataw aktar protezzjoni legali u rikonoxximent bħala ħaddiema bi drittijiet sħaħ.
Bugeja rrefera wkoll għall-kawża relatata mal-Workers’ Memorial Building bħala waħda mill-aktar battalji diffiċli u simboliċi li kellha taffaċċja l-GWU f’dawn l-aħħar snin, filwaqt li sostna li dik il-ġlieda kompliet issaħħaħ l-għaqda u r-reżiljenza tal-Union.
Meta ħabbar li wasal iż-żmien għal tranżizzjoni fit-tmexxija, Bugeja qal li din kienet deċiżjoni maħsuba u meħuda b’sens qawwi ta’ responsabbiltà lejn il-futur tal-GWU.
“Union b’saħħitha trid tkun kapaċi tiġġedded, tevolvi u tadatta għar-realtajiet ġodda,” sostna Bugeja, filwaqt li żied li llum il-GWU tinsab f’pożizzjoni b’saħħitha, stabbli u rispettata, u għalhekk dan huwa l-aħjar mument għal tranżizzjoni serena.
Huwa esprima fiduċja sħiħa fit-tmexxija l-ġdida tal-GWU, inkluż fis-Segretarju Ġenerali l-ġdid, id-Deputat Segretarju Ġenerali, il-President, is-Segretarji tat-Taqsimiet u l-uffiċjali kollha li se jmexxu l-Union fil-fażi li jmiss tagħha.
Filwaqt li qed jagħlaq il-kariga tiegħu, Bugeja saħaq li l-lealtà tiegħu lejn il-GWU, il-membri tagħha u l-valuri tagħha tibqa’ assoluta.
Fl-għeluq tal-indirizz tiegħu, huwa rringrazzja lill-membri, uffiċjali, kollegi u lill-familja tiegħu għall-fiduċja, il-lealtà u l-appoġġ li tawh matul is-snin.
Huwa temm billi sostna li l-General Workers’ Union trid tibqa’ vuċi b’saħħitha għall-ħaddiema, mibnija fuq il-valuri tas-solidarjetà, id-dinjità u l-ġustizzja soċjali.
“Sakemm ikun hemm ħaddiem li għandu bżonn vuċi, il-General Workers’ Union trid tibqa’ hemm, aktar b’saħħitha minn qatt qabel,” temm jgħid Bugeja.
Is-Segretarju Ġenerali (designate) Kevin Camilleri rringrazzja lil Josef Bugeja tal-ħidma, tal-istorja u tad-dedikazzjoni tiegħu.
“Il-vjaġġ tiegħek ma jieqafx hawn, iżda qed jibda kapitlu ġdid. Minn qalbi, f’ismi u f’isem il-Kunsill kollu, nawguralek kull suċċess fil-perkors il-ġdid tiegħek. Għad fadallek ħafna x’toffri lil pajjiżna, lid-drittijiet tal-ħaddiema u lill-ħaddiema kollha.”


