Friday, May 8, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela jħabbar għaxra mill-mitt proposta għal Għawdex

Aqra wkoll

Waqt Mass Rally fix-Xagħra Għawdex, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar għaxra minn mitt proposta għal Għawdex.

Dr Abela semma kif din il-ġimgħa ġie inawgurat servizz ġdid ta’ fast ferry sabiex l-Għawdxin jaslu lejn il-post tax-xogħol b’mod faċli. Sostna kif mira ewlenija tal-Manifest, hija li tiżdied l-konnettività bejn Għawdex u Malta b’25%, fejn fost l-inizjattivi hemm li se jiżdiedu l-konnessjonijiet bil-fast ferry, se jsir investiment ta’ €130 miljun f’vapuri ġodda għal Gozo Channel, inkluż servizz għall-merkanzija, kif ukoll se jingħata bidu għas-servizz ta’ air taxi bejn iż-żewġ gżejjer. 

Il-Prim Ministru semma wkoll li se jtellqu s-servizz ta’ Tallinja on demand f’Għawdex, kif ukoll li  s-servizz tal-vapur t’Għawdex se jkun b’xejn għal dawk li jaqsmu bil-pass bejn iż-żewġ gżejjer. 

Dr Abela qal li llum hemm 5,000 aktar Għawdxi jaħdem f’Għawdex stess u li għall-ewwel darba l-ekonomija Għawdxija qabżet il-biljun ewro, u kibret b’darbtejn ir-rata osservata fl-Ewropa. “Dan mhux biżżejjed,  qatt mhu se nieqaf naħdem għalikom. Intom Għawdex u l-ħolma tagħkom hija l-proġett tagħna,” tenna l-Prim Ministru, filwaqt li ħabbar li kull negozju Għawdxi li jinvesti f’reskilling jew upskilling tal-ħaddiema tiegħu se jingħata għotja ta’ €1000 għal kull ħaddiem. “Il-workforce Għawdxija trid tkun lesta biex tixpruna ’l quddiem il-prosperità ġdida ta’ ġensna,” sostna Dr Abela.

Dr Abela qal ukoll li Għawdex se jingħata infrastruttura denja tal-mutur ekonomiku li sar u li se jkompli jsir. Proposta oħra hija dik li jsir interconnector bejn Għawdex u Malta sabiex Għawdex ikompli jkollha provvista tal-elettriku sigura. Semma wkoll il-ħidma li għaddejja biex titwettaq il-wegħda ta’ 100 triq residenzjali għal Għawdex fi tliet snin. 

Dr Abela ħabbar ukoll li għall-ewwel darba f’pajjiżna, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex se jkollha spiżerija ġdida mgħammra bir-robotika biex tipprepara l-kimoterapija fuq il-post u b’hekk il-kimoterapija u l- immunoterapija ser jibdew isiru f’Għawdex stess. 

Il-Prim Ministru għamel referenza għal Victoria Park fil-qalba tal-Belt Victoria, fejn  malli jiġu approvati l-permessi jibda x-xogħol fuq l-akbar proġett ambjentali fl-istorja Għawdxija. Se jkompli wkoll l-investiment fl-infrastruttura edukattiva fejn se jimmodernizzaw l-iskejjel kollha, sabiex uliedna jirċievu l-aqwa tagħlim f’ambjent mill-isbaħ. 

Sabiex l-identità Għawdxija tkompli tissaħħaħ u tiġġedded, il-Prim Ministru ħabbar li l-artisti Għawdxin se jkollhom ċentru ġdid għall-arti, disinn u kreattività. Qal ukoll li l-fondi kollha li se jinġabru mill-eko-kontribuzzjoni li jħallsu dawk li jżuru Għawdex issa se jiġu investiti fi proġetti ta’ tisbiħ f’Għawdex stess.

“Illum hemm Gvern li jrid li Għawdex ikun aħjar. Għandna pjan miktub mill-Għawdxin għal Għawdex li jridu Għawdex b’saħħtu, dinamiku u Għawdxi. Għawdex li jikber b’mudell Għawdxi, bis-saħħa tal-identità Għawdxija. Għawdex gżira tal-villaġġi. Il-ħolm tagħkom l-Għawdxin huwa l-proġett tagħna,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela. 

Waqt il-Mass Rally tkellmu wkoll id-Deputat Parlamentari u kandidata fuq is-6 u t-12-il distrett, Rosianne Cutajar u d-Deputat Parlamentari u kandidat fuq l-1 distrett, Deo Debattista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport