Saturday, December 21, 2024

Joseph Borg… mill-football għal suċċess fl-atletika

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sports ieħor? 

Qabel ma bdejt nipprattika l-atletika kont nitħarreġ il-football. Minn dejjem kelli f’moħħi li jekk xi darba nieqaf nillgħab il- football, nibda niġri. Minn dejjem kien jogħġobni l- ġiri bhala sport. 

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Minn dejjem kelli l-ħajra li nibda nipprattika l-atletika, infatti kont bdejt niġri għall-gost u biex nirrilassa. 

Bdejt nagħmel xi tlielaq ukoll, u meta tibda tkun konsistenti, ovvjament tibda tara titjib fil-ħin kif ukoll fil-fiżika. 

Darba kien avviċinani ex coach li kelli, Paul Camilleri, u kien ħeġġiġni ħafna biex nieħu l-atletika iktar bis-serjetá.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Bħala persuna li ispirani kien il-ħabib tiegħi u atleta Jean Paul Debono, kif ukoll l-ex coach Paul Ca­mil­leri.

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-kar­riera tiegħek?

Bla dubju, tlielaq li ma ninsa qatt huma fejn inkun ksibt ħin tajjeb kif ukoll inkun tlajt fuq il-podju, fosthom in-National Championships ta’ ħames kilometri li saru fit-30 ta Ġunju 2019 ġewwa t-trakka tal-Marsa fejn ikklassifikajt fit-tielet post overall.

Tellieqa oħra kienet ta’ Ħaż-Żabbar li saret fil-25 ta’ Awwissu 2019, fuq ħames km wkoll, fejn ġejt fit-tieni post overall, kif ukoll in-Night Run li saret fit-2 ta’ Awwissu 2019, fejn ġejt fit-tieni post overall, u l-aħħar Half Marathon li għamilt fid-19 ta’ Diċembru 2021 ġewwa Pisa l-Italja fejn kienet esperjenza sabiħa ħafna mal-club Mel­lieħa AC fejn għamilt l-aqwa ħin personali tiegħi u ġejt fis-sitt post overall.

Kemm ilni nieħu sehem fit-tlielaq, għalkemm kelli ħafna riżultati tajbin u li ma ninsa qatt, għadni qatt ma ġrejt u rbaħt tellieqa, u ovvjament hija x-xewqa ta’ kull atleta li jagħmel ħin tajjeb u forsi xi darba jikseb l-ewwel post ukoll.

Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Daqs erba’ snin ilu bdejt nipprattika l-ġiri, bażikament ta’ 30 sena. Peró, il-fatt li kont attiv fil-football, dejjem għenni.

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek sa issa?

L-aħjar ħinjiet tiegħi huma:

– 3000m – 9min 20sek

– 5000m – 15min 57sek

– 10,000m – 34min 52sek

– Mdina 2 Spinola – 1hr 1min 40 sek

– Half Marathon 1hr 16min 44sek

Taħseb li l-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l- Logħob tal-Pajjiżi ż- Żgħar?

In-numru ta’ nies li qed jipprattikaw l-atletika żdied ħafna f’dawn l-aħħar sentejn, peró nemmen li għad hemm lok ta’ fejn nistgħu nżidu l-exposure għalina l-atleti, kemm bħala opportunitajiet kif ukoll exposure ta’ media fuq stazzjonijiet u gazzetti lo­kali. 

Huwa fatt li l-ġiri fih beneficcji kemm ta’ saħħa fiżika kif ukoll mentali u jgħinek biex tirrilassa u ssib ħin għalik innifsek.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Nixtieq li ovvjament nibqa’ nipprattika dan l-isport u nibqa’ ntejjeb il- ħinijiet tiegħi. 

Peró, il-ħolma tiegħi hija li xi darba nirrapprezenta lil Malta. Ovvjament mhijiex faċli, peró nibqa’ nagħ­mel ħilti.

X’sagrifiċċji u mpenji jitlob l-isport li int tipprattikka? 

Biex iġġib riżultati tajbin u tibqa’ tibni fuq it- tajjeb li jkollok, trid tagħ­mel commitments kbar. 

L-iktar importanti huwa li tippjana kif se tqassam il-ħin bl-aħjar mod. 

Ovvjament trid issib ħin għal kollox – xogħol, familja kif ukoll it-taħriġ, fejn ħafna drabi jkollna double sessions. 

L-ikbar sagrificcju huwa li tqum kmieni, madwar il-ħamsa ta’ filgħodu biex inkun nista’ ndaħħal it-taħriġ qabel ma nibda l-ġurnata tax-xogħol. 

Sagrifiċċju ieħor huwa li toqgħod attent għall-ikel li tiekol, speċjalment meta tkun ġejja xi tellieqa. 

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. X’tikkummenta?

Il-ġiri għallimni ħaġa vera importanti – dik li jien niġri kontra l-ħin u mhux kontra n-nies. Kulħadd qiegħed jiġri t-tellieqa  personali tiegħu.

Aħna kollha niġru biex intejbu l-ħin tagħna personali, li nkunu ftehemna mal-coach tagħna. 

Anzi, huwa ta’ pjacir li nara lil sħabi l-atleti jagħmlu ħinijiet sbieħ, u fejn nistgħu, nagħmlu kuraġġ lil xulxin, anke waqt it-tlielaq. 

Naqra sens ta’ kompetizzjoni jidħol ftit fejn inkunu nistgħu mmorru tajjeb bħala club.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib? 

Jekk Alla jrid, nibdew niġru xi tlielaq fejn isiru kem fit triq u anke fit-trakka tal-Marsa. 

Il-pjani huma li din is-sena nerġa’ mmur niġri half marathon u xi 10k race barra minn xtutna. 

Matul is sena li għaddiet, ingħaqadt mal-club ta’ Mellieħa A.C fejn nemmen li għad baqagħli fejn intejjeb il-ħin personali tie­għi, u se nibqa’ nitħarreġ u nagħmel l-almu tiegħi biex dan inwettqu.

Tista’ tħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika?

L-isport huwa kollu sabiħ għax iżommok b’saħ­ħtek kif ukoll ‘il-bogħod mill-vizzji. 

Il-messaġġ tiegħi lejn iż-żgħażagħ huwa li ma jaqtgħu qalbhom qatt u li qatt m’hu tard biex tibda tipprattika kull tip ta’ sport u anke kull forma ta’ eżer­ċiżżju. 

L-importanti huwa li tagħmel sport li tieħu pjaċir tagħmel u fejn fih issib naqra ħin għalik innifsek biex tistrieħ mir-rutina u l-istress tal-ħajja ta’ kuljum. 

Nemmen ukoll li l-isport lit-tfal jgħinhom ukoll biex jitgħallmu jqassmu l-ħin sew.

Ekonomija

Sport