Thursday, April 18, 2024

Kif qed jissaħħu t-timijiet tal-BOV Kampjonat Premier

Aqra wkoll

Minkejja li fil-football Malti s-suq tat-trasferimenti mhuwiex daqstant attiv u mhux l-ordni tal-ġurnata, il-clubs tagħna xorta waħda jagħmlu l-almu tagħhom biex isaħħu l-iskwadri rispettivi, min biex jirbaħ l-unuri, min biex iżomm postu fl-ogħla diviżjoni u min biex jevita li jiġi relegat.

Meta s-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar dalwaqt jgħaddi nofsu bosta clubs għamlu x-xogħol tagħhom, uħud minnhom b’akkwisti li forsi ma konniex qed nistennewhom.

Il-kampjonat Permier ikompli nhar it- Tnejn. 

Iċ-champions HAMRUN SPARTANS, qed jagħmlu l-almu tagħ­hom biex jippruvaw iżommu t-titlu. Huma kisbu lid-difensur internazzjonali Malti, Steve Borg, mingħand Gzira United li qabel kien ma’ Valletta.

Il-leaders HIBERNIANS kisbu s-servizzi tad-difensur internaz­zjonali Malti, Joseph Zerafa, 33 sena, b’kuntratt ta’ tliet snin u nofs mingħand Valletta.

Zerafa beda l-karriera ma’ Mġarr United u wara sieħeb lin-Nursery tal-Pawlisti sakemm sentejn wara ngħaqad ma’ Birkirkara li magħ­hom rebaħ il-kampjonat tliet darbiet. Fl-2014 ittanta xortih fl-Ingilterra ma’ timijiet non-league, iżda rritorna lura sena wara fejn reġa’ sieħeb lil Birkirkara.

Iċ-champions ta’ sentejn ilu, FLORIANA, ingaġġaw lill-goalkeeper veteran, Manuel Bartolo, 38 sena, wara li fis-sajf kien telaq lil Hamrun Spartans li tagħhom kien il-captain tat-team li fl-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat wara 30 sena. Huwa ffirma kuntratt sal-aħħar tal-istaġun.

Barra minn hekk il-Greens iffirmaw ukoll lill-attakkant Ġamajkan, Kemar Reid, mingħand Sirens iżda għall-istaġun li ġej. Huwa ffirma pre-kuntratt biex fis-sajf jibdel il-clubs. 

Ir-rebbieħa tal-FA Trophy għall- ewwel darba, żewġ staġuni ilu, BALZAN, kisbu lill-winger Alvin Daniels li huwa ex internazzjonali Olandiż ta’ taħt l-20 sena.

Huwa lagħab ma’ FC Dordrecht, SC Cambuur u FC Eindhoven fl-Olanda qabel ma ngħaqad ma’ Como fl-Italja fit-tieni parti tal-istaġun li għadda.

Balzan kienu diġá kisbu lill- midfielder difensiv, Nikola Gulan, 32 sena, li huwa prodott ta’ Partizan Belgrad, li mar jgħix fl-Italja ta’ etá żgħira biex jingħaqad ma’      Fio­rentina.

Huwa għamel perjodi ma’ Sampdoria, Empoli, Chievo Verona u Modena fl-Italja u ma’ Munich 1860 fil-Ġermanja. Aktar tard huwa mar ma’ RCD Mallorca fi Spanja u eventwalment lagħab ma’ Mous­cron fil-Belġju, Hapoel Haifa f’Iżrael u BK Hacken fl-Isvezja.

Min-naħa l-oħra l-Balzanin, li jinsabu taħt il-gwida tal-coach, Paul Zammit, tilfu lil Alex da Pai­xao Alves li ngħaqad ma’ Al-Washm fl-Arabja Sawdija.

GZIRA UNITED, li f’dawn l-aħħar snin stabbilew ruħhom fil-Premier League u kienu anke sfidanti li jirbħu t-titlu għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom, għamlu żewġ akkwisti li jilagħbu fid-difiża li huma l-Kroati Antonio Pavic u Marko Cosic.

Pavic huwa difensur xellugi u eks-internazzjonali ta’ taħt il-21 sena Kroat, li twieled fil-Ġermanja 27 sena ilu, iżda beda l-karriera tiegħu ma’ NK Osijek f’pajjiż il-ġenituri tiegħu.

Huwa lagħab ukoll ma’ FC Ko­per fis-Slovenja, NK Istra fil-Kroaz­ja, Zeleznicar fil-Bosnja u KF Shkengija fil-Maċedonja ta’ Fuq. Insomma dar dawra sew mal-pajjiżi eks-Jugoslavja.

Min-naħa l-oħra, Marko Cosic, 27 sena, beda l-karriera tiegħu ma’ NK Inter Zapresic u aktar tard lagħab ma’ Hajduk Split, FK Haugesund fin-Norveġja, NK Rudar Velenje fis-Slovenja u Hapoel Afula f’Iżrael qabel ma mar lura l-Kroazja fejn lagħab ma’ NK Rudes u HRV Dragovoljac.

SLIEMA WANDERERS, li bħalissa jinsabu fl-aħħar post tal-klassifika, kisbu s-servizzi tal-winger mill-Ġamajka, Martin Davis, 25 sena, li ffirma b’self sal-aħħar tal-istaġun.

Davis lagħab ma’ Harbour View f’pajjiżu u ma’ Toronto FC fil-Kanada qabel ma ġie Malta fl-2017 biex jingħaqad ma’ St. Andrews u sen­tejn wara sieħeb lil Gzira United.

Il-Wanderers kisbu wkoll lid- difensur ċentrali, Oscar Linton, 28 sena, li huwa internazzjonali tal-Panama. Huwa lagħab ma’ Chepo, Atletico Nacional u Costa del Este f’pajjiżu qabel ma ġie Malta fis-sajf tal-2020 biex jingħaqad mal-Wanderers, iżda telaq fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, 2021. Minn dakinhar, huwa lagħab għal FC Imabari fil-Ġappun. u ma’ Club Deportivo del Este fil-Panama.

Player ieħor li sieħeb lis-Slimiżi huwa t-Taljan, Matteo Picollo, li ilu jilgħab f’Malta mill-2014 fejn ta’ servizz lil Floriana, Balzan u Valletta fejn b’kollox lagħab 162 logħba li fihom skorja 47 goal.

Club li ġie promoss għall-ewwel darba tliet snin ilu, dak ta’ STA LUCIA, iffirma lill-eks goalkeeper internazzjonali Malti, Justin Haber, 40 sena, mingħand Gzira United. Huwa prodott ta’ Floriana u dde­butta fil-Premier League fl-istaġun 1998-99.

Haber huwa wieħed mill-players Maltin li lagħab barra l-pajjiż u anke dar dawra sew ma’ timijiet f’kampjonati differenti.  Dawn huma Dobrudzha Dobrich fil-Bulgarija, Royal Excelsior Virton fil- Belġju, Haidari fil-Greċja, Sheffield United fl-Ingilterra, Ferenc­varos fl-Ungerija u Kerkyra fil-Greċja.

Minbarra ma’ Floriana, Haber lagħab ukoll ma’ Birkirkara, Marsaxlokk, Mosta u Hibernians.

Sadanittant, Sta Lucia ħatru lill-Olandiż, Jasper de Muijnck, bħala direttur sportiv, li qabel kien ikkowċja lil numru ta’ timijiet f’pajjiżu u anke ħadem mal-FA Olandiża bħala coach edukatur.

Il-club ta’ MOSTA kiseb is- servizzi tal-goalkeeper veteran Niġerjan ta’ 37 sena, Ini Etim Akpan, li ilu jilgħab f’Malta mill-2005 meta kien beda mat-team Għawdxi, Kerċem Ajax. Fl-2010 huwa ngħa­qad ma’ Sliema Wanderers u fl-istaġun ta’ wara sieħeb lil Lija Athletic.

Fl-istaġun 2012/13 ingħaqad ma’ Birkirkara b’self u wara b’mod permanenti fejn dam magħhom erba’ snin u wara qatta’ erba’ snin oħra ma’ Floriana.

Ekonomija

Sport