Thursday, March 28, 2024

Alex Sanchez jagħti s-Super Cup Taljana lil Inter kontra Juventus

Aqra wkoll

Alexis Sanchez approffitta minn żball difensiv fl-aħħar sekondi tal-ħin barrani biex Inter għelbu lil Juventus bl-iskor ta’ 2-1 biex għollew is-Super Cup Taljan liema finali ntlagħbet f’San Siro. 

In-Nerazzurri kellhom prattikament skwadra sħiħa minn fejn jagħżlu, b’Edin Dzeko lura wara li rkupra mill-Covid-19, hekk kif kienu ġejjin minn tmien rebħiet konsekuttivi tal-kampjonat. 

Min-naħa l-oħra, Juventus kellhom lil diversi players indisposti – Federico Chiesa barra għall-istaġun wara operazzjoni fl-irkoppa, Matthijs de Ligt u Juan Cuadrado sospiżi, Wojciech Szczesny minħabba li ħa l-vaċċin tal-Covid-19 tard, Danilo u Aaron Ramsey imweġġgħin u Leonardo Bonucci ma kienx f’sikktu biżżejjed.

Wara bidu tajjeb min Inter, fil-25 minuta kienu Juventus li fetħu l-iskor mal-ewwel opportunitá li kellhom. Alvaro Morata ra l-cross tiegħu devjat fil-kaxxa żgħira fejn Weston McKennie kien fil-post it-tajjeb u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Samir Handanovic.

Iżda fit-35 minuta, Inter kisbu d-draw meta ngħataw penalty meta Edin Dzeko twaqqa’ minn Mattia De Sciglio fil-kaxxa biex mill-11-il metru Lautaro Martinez ma żbaljax. 

Mal-ħin Inter bdew jirbħu l-inizjattiv u anke jiddominaw iżda ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja biex il-logħba kellha tmur fil-ħin barrani … u meta kollox deher li l-partita kienet se tmur għall-għoti tal-penalties, fil-120 minuta  huma skorjaw il-goal tar-rebħa meta mill-cross ta’ Federico Dimarco, Alex Sandro ma kkontrollax sew biex Alexis Sanchez kien pront u xeħet fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji Interisti.

Ekonomija

Sport