Monday, December 23, 2024

Joseph Carabott għadu ma jistax jikkomunika wara l-aggressjoni fuqu waqt hold-up fiż-Żurrieq

Aqra wkoll

Joseph Carabott, l-anzjan li f’Awwissu li għadda safa aggredit waqt serqa f’ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq, għadu rikoverat l-Isptar u ma jistax jikkomunika.

L-espert mediku Dr Mario Scerri xehed fil-kumpilazzjoni kontra Donna Borg Sciberras ta’ 29 sena u Mohammed Anas Boualam ta’ 37 sena u Zuhair Hadoumi ta’ 26 sena li jinsabu mixlija bl-attentat ta’ qtil ta’ Carabott, li kkaġunawlu ġrieħi gravi, li żammewh kontra l-volontà tiegħu u b’serq aggravat.

Dr Scerri qal li Carabott sofra ġrieħi serji f’rasu, minħabba d-daqqiet li qala’. Il-vittma qatta’ diversi jiem taħt kura intensiva u wara ttieħed f’sala oħra, bix-xhud jgħid li meta rah ftit tal-jiem ilu, dan “la kien jaf fejn qiegħed u ma jaf xejn”.

Mistoqsi dwar il-possibiltà li l-vittma jirkupra b’tali mod li jkun f’pożizzjoni li jixhed, Dr Scerri qal li wisq probabbli Carabott mhux se jkun f’pożizzjoni li jikkomunika.

Sadanittant, l-Ispettur Shaun Pawney ippreżenta fil-Qorti rapport li kien fih diversi ritratti meħuda mill-filmati tas-CCTV mix-xena tar-reat u informazzjoni oħra miġbura minn terzi.

Il-każ ikompli. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Shaun Pawney, LydonZammit, Jonathan Cassar u Stephen Gulia.

Għall-imputati qed jidhru l-avukati Mark Mifsud Cuajar, Brandon Muscat u Maria Karlsson. L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal parte-ċivile

Ekonomija

Sport