Saturday, May 18, 2024

Hockey: Qormi Daikin u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks fil-finali taċ-Challenge Cup

Aqra wkoll

Se jkunu Qormi Daikin u GREE Żurrieq Wolves Hotsticks li se jikkontestaw il-finali taċ-Challenge Cup wara li rebħu l-aħħar konfronti tagħhom fi tmiem din il-ġimgħa.

Qormi kisbu rebħa ta’ 4-2 fil-konfront dirett li kellhom kontra Trust Payments Floriana Young Stars.

Il-Qriema, li kienu ġejjin minn telfa kontra Żurrieq, riedu akkost ta’ kollox jiksbu t-tieni post sabiex jaċċertaw ruħhom mill-finali. Huma skorjaw wara ftit sekondi u minkejja r-reazzjoni f’waqtha ta’ Floriana, id-determinazzjoni tagħhom waslithom sabiex jirbħu l-konfront.

Daniel Ellul poġġa lil Qormi minn fuq sabiex Karl Chircop ġab l-iskor indaqs minn penalty stroke.

Fit-tieni quarter, il-plejer żagħżugħ Neil Spiteri Montebello reġa’ skorja għal Qormi b’Kyle Micallef iżid ieħor.

Karl Chircop żamm lil Floriana fil-logħba b’gowl ieħor minn penalty stroke sabiex Shawn Dimech issiġġilla r-rebħa għall-Qriema.

Umpires kienu Alessandro Amore u David Agius.

GREE Żurrieq Wolves Hotsticks aċċertaw ruħhom mill-ewwel post tal-klassifika wara li ddominaw il-konfront kontra White Hart u rebħu 8-2.

Ir-riżultat għaż-Żrieraq qatt ma kien fid-dubju b’Alessandro Amore li kien l-aħjar plejer tagħhom wara li skorja tliet gowls. Keith Scicluna skorja doppjetta filwaqt li Jayden Cutajar, Lukas Plaehn u Rick Micallef li wkoll sabu x-xibka.

White Hart skorjaw iż-żewġ gowls tagħhom permezz ta’ David Agius u Carl Tua.

Umpires kienu Glen Bonello u Edward Hughes.

Mill-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena, GREE Żurrieq Wolves Hotsticks għelbu lil Qormi Daikin 7-4 f’logħba ferm spettakolari.

Gary Bonnici kien ta’ ispirazzjoni għaż-Żrieraq wara li skorja erba’ gowls b’Jayden Cutajar li kien awtur ta’ doppjetta. Niki Runza għaqqad l-iskor għal Wolves.

Wyatt Magri skorja żewġ gowls b’Giorgio Muscat u Neil Spiteri Montebello li żiedu tnejn oħra għal Qormi.

Umpires kienu Edward Hughes u Karl Chircop.

Mill-kampjonat ta’ taħt is-16-il sena, Marsaskala Heat kisbu rebħa kbira ta’ 13-0 kontra Floriana Young Stars.

Alessandro Piscopo skorja erba’ gowls, Cayleb Caruana kien awtur ta’ hat-trick b’Kane Zammit, Jerome Carabott u Xylon Cassar li wettqu doppjetta kull wieħed.

Umpires kienu Dario Cacopardo u Bernice Calleja.

Sport