Monday, May 13, 2024

“Joseph Ellul miet f’inċident li ma setax jiġi antiċipat jew previst”

WasteServ tiċħad kull responsabbiltà fl-inċident traġiku li seħħ f’Mejju tas-sena li għaddiet

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-maniġment tal-kumpanija u l-ħaddiema jiċħdu kategorikament kull akkuża li huma setgħu kienu responsabbli, anke indirettament għall-mewt tal-kollega tagħhom Joseph Ellul. Ellul miet f’inċident li ma setax jiġi antiċipat jew previst”. Iddikjarat dan il-kumpanija WasteServ f’reazzjoni għall-allegazzjoni tal-avukat u eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi rigward impunità b’rabta mal-inċident traġiku li seħħ fl-10 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet.

Azzopardi għażel li jippubblika fuq il-midja soċjali silta minn dik li qiegħed jgħid li hija l-konklużjoni tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta’ Joseph Ellul li skontu tlestiet ftit tax-xhur ilu. Azzopardi allega li din l-inkjesta kkonkludiet li hemm biżżejjed raġunijiet biex il-Kap Eżekuttiv u uffiċjali oħra jitressqu l-Qorti fuq omiċidju involontarju. Huwa kompla biex jallega li għaddew seba’ xhur minn meta l-Avukat Ġenerali rċeviet din l-inkjesta u dawn baqgħu ma tressqux.

Fir-reazzjoni tagħha għal dawn l-allegazzjonijiet WasteServ kkundannat it-tentattivi ta’ Azzopardi biex biex jikkomprometti l-preżunzjoni tal-innoċenza fl-interessi tal-klijenti tiegħu u jgħawweġ il-kors tal-ġustizzja billi żvela informazzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni biex jagħmel dan.

Tenniet li l-impjegati tal-kumpanija kienu ixxukkjati u trawmatizzati bil-mewt ta’ kollega stmat bħalma kien Joseph. Barra minn hekk il-kumpanija għamlet dak kollu possibbli biex tappoġġja lill-familja tal-vittma u se tkompli tagħmel dan fiż-żmien li ġej.

Sport