Friday, May 3, 2024

Il-Gvern irid jara li jibqa’ jkun għaqli fl-infiq tiegħu

- il-Ministru Clyde Caruana

Aqra wkoll

Il-Gvern irid jara li jibqa’ jkun għaqli fl-ispiża tiegħu sabiex dak kollu li jiġi ffrankat jgħaddi għand in-nies. Dan fil-kuntest illi l-fenomenu tal-inflazzjoni ġej minn barra u li matul is-snin refa’ rasu u li ħadd ma jista’ jgħid li ma jeżistix.

Il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ddikjara dan fil-Parlament waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget 2024 li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu. Fl-istess waqt, huwa qal li l-prezzijiet qegħdin jiżdiedu u li x’aktarx fix-xhur li ġejjin uħud minnhom se jkomplu jiżdiedu.

Huwa qal li kien possibbli li l-pensjonanti jingħataw żieda ta’ €15 fil-ġimgħa u li se jingħataw affarijiet oħra, minħabba l-għaqal fil-mod ta’ kif il-Gvern qed jonfoq il-flus.

Il-Ministru tal-Finanzi fisser li l-Gvern irid li l-ekonomija tkompli tikber. “Għalhekk irridu nħarsu lejn ekonomija li kemm jista’ jkun trid “capital intensive” u mhux “labour intensive.” Irridu nħarsu lejn investiment li kemm jista’ jkun jagħmel l-inqas użu mill-ħaddiem.”

Huwa fakkar li l-popolazzjoni Maltija qiegħda mhux tikber imma tixjieħ. Għalhekk irid ikollna sistema ekonomika li tibda tbiddel il-mentalità. Huwa wera t-tama li d-diskussjoni fil-Parlament b’rabta ma’ dan is-suġġett issir aktar matura fiż-żmien li ġej. Fl-istess waqt li appella lill-midja sabiex jelevaw il-livell ta’ diskussjoni fil-pajjiż.

Fir-rigward tal-Air Malta, il-Ministru Caruana qal li l-Gvern għadu għaddej ġmielu bil-pjan ta’ ħidma biex titwaqqaf kumpanija ġdida tal-linja nazzjonali tal-ajru. Huwa qal li jinsab infurmat li fil-jiem li ġejjin se jinħarġu avviżi sabiex jiġu reklutati l-ħaddiema mal-kumpanija l-ġdida tal-ajru.

Dwar is-suq tax-xogħol, il-Ministru Caruana li nnota li l-Gvern irnexxielu jnaqqas drastikament ir-rata ta’ nies inattivi, jiġifieri li mhumiex fis-suq tax-xogħol.

Huwa tenna wkoll li rridu ninvestu aktar fl-enerġija partikolarment li jkollna sistemi ta’ offshore. Finalment huwa nnota d-differenza bejn iż-żewġ partiti dwar il-politika fiskali. Huwa sostna li l-mod kif il-Gvern irid jara li tiġi amministrata l-politika fiskali dejjem naraw li tkompli tagħti nifs lill-ekonomija sabiex tikber biex naraw l-imgħax, id-djun u d-defiċit li jkollu l-pajjiż jibqgħu sostenibbli.

Sport