Saturday, May 4, 2024

Il-Prim Ministru Abela f’laqgħa mal-Kanċillier Awstrijak Nehammer fi Vjenna

Aqra wkoll

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Awstrija, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna flimkien mal-pożizzjonijiet multilaterali fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-oqsma tal-gaming u tal-farmaċewtika fost oħrajn, l-isfida tal-immigrazzjoni u d-diskussjonijiet fuq livell ta’ Unjoni Ewropea kienu t-temi ewlenin diskussi f’laqgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu fi Vjenna mal-Kanċillier tal-Awstrija Karl Nehammer.

Fil-Kanċillerija fil-kapitali Awstrijaka, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-bażi soda tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi li għandha sservi biex Malta u l-Awstrija jkomplu jsaħħu l-koperazzjoni għal aktar opportunitajiet li minnhom igawdu l-popli taż-żewġ pajjiżi. F’kummenti lill-ġurnalisti wara l-laqgħat mal-Kanċillier Nehammer, il-Prim Ministru Abela qal li quddiem sfidi dinjija fosthom fl-Ewropa u fil-Mediterran, jikber l-appell għal djalogu. Dan qalu fi sfond li kemm Malta u l-Awstrija jħaddnu n-newtralità, bil-Prim Ministru Malti jirrimarka li madankollu dan ma jfissirx li ma jkunx hemm pożizzjonijiet soda li jimbuttaw għall-paċi. Hawn tenna l-appell għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti fil-Lvant Nofsani u djalogu multilaterali fl-istrutturi tan-Nazzjonijiet Uniti kif diġà qed tagħmel Malta b’siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà.

Dwar il-qasam tal-gaming, li hemm kwistjonijiet dwaru bejn iż-żewġ pajjiżi, il-Prim Ministru Abela rrimarka li ta’ prijorità tibqa’ l-integrità u s-saħħa tal-ġurisdizzjoni Maltija f’settur li pajjiżna kien pijunier fih tant li fassal qafas legali robust anke fir-remote gaming aċċessibbli fis-Suq Waħdieni tal-Unjoni Ewropea. Dr Abela qal li operaturi liċenzjati f’Malta se jibqgħu jitħarsu minn sfidi legali bla bażi filwaqt li spjega li l-għan ta’ emenda legali għas-settur tal-gaming, li għaddiet lejn nofs din is-sena, huwa li jipproteġi b’mod ristrett kontra proċeduri li ma jirrispettawx il-prinċipju Ewropew ta’ suq ħieles iżda l-istess emenda ma tipprekludix azzjonijiet legali f’każ ta’ ksur fil-liġi tal-gaming.

Fid-diskussjonijiet fi Vjenna b’rabta mas-settur tal-farmaċewtika, Malta tħares ’il quddiem għal iżjed koperazzjoni fosthom bi skambju ta’ informazzjoni bejn ir-regolaturi tal-mediċini f’pajjiżna u fl-Awstrija favur kwalità, sigurtà u effiċjenza fid-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali. Iż-żewġ mexxejja ddiskutew ukoll l-importanza strateġika tar-reġjun tal-Mediterran, speċjalment fid-dawl ta’ kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni imma anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ responsabbiltà kollettiva ta’ Unjoni Ewropea sħiħa li tipprevjeni l-wasliet u l-ħidma li ġġib ir-riżultati b’relazzjonijiet ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, bħal-Libja u t-Tuneżija.

Fuq diskussjonijiet oħra fil-livell Ewropew, apparti l-Ukrajna, fejn hawn il-mexxejja tkellmu fuq saħħa t’azzjonijiet favur is-solidarjetà u l-paċi, b’Malta kienet reġgħet strumentali billi laqgħet il-Ukraine Peace Formula, il-Prim Ministru u l-Kanċillier iddiskutew wkoll is-sħubija ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, partikolarment dawk fil-Balkani tal-Punent. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Unjoni Ewropea tat direzzjoni ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi minn dan ir-reġjun, bl-istess pajjiżi issa jridu jaħdmu fuq riformi favur is-saltna tad-dritt. Qal li l-koperazzjoni strateġika tal-Unjoni Ewropea għandha tkompli wkoll tissaħħaħ f’reġjuni oħra fosthom fil-Mediterran, ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq f’setturi importanti bħall-enerġija.

Fi Vjenna, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Awstrija Natasha Meli Daudey, u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

Sport